Skema ġdida ser tgħin lil dawk li diġà nvestew f’sistema ta’ pannelli fotovoltajiċi sabiex issa jinvestu f’sistema ta’ batteriji sabiex ikunu jistgħu iżommu l-enerġija ġġenerata u jużawha skont il-bżonn.
Dan hekk kif l-iskema ser tara li tingħata għotja ta’ 25% tal-prezz sa massimu ta’ €1,000 kull għotja.
Il-kap eżekuttiv tar-regolatur għas-servizzi tal-enerġija u l-ilma, Marjohn Abela spjega kif din l-iskema ser tkun qed tapplika għal dawk li diġà għandhom installazzjoni fotovoltajka installata skont ir-regolamenti tal-ippjanar u din l-istess sistema hi mabuta mal-grid tal-Enemalta u m’għandiex allokazzjoni attiva ta’ tariffa feed-in.
Il-Ministru għall-enerġija u l-immaniġjar tal-ilma, Michael Farrugia stqarr kif din is-sistema tal-batteriji hija sistema ġdida u għalhekk il-Gvern ħass li għandu jissusidjaha.
Il-Ministru stqarr, “Huwa proġett li se nkunu qed naraw kif inmorru u anke iktar il-quddiem inkunu nistgħu nassiguraw illi jkun hemm investiment ikta f’dawn it-tip ta’ proġetti.”
Għalissa hemm €50,000 allokati għal din l-iskema, iżda jekk l-interess ikun kbir, il-Gvern ser jara li jiġu allokati iżjed fondi għal dan il-għan.
Huwa stqarr li din l-iskema mhux biss hija waħda ta’ benefiċċju ambjentali iżda wkoll ser tkun qed timmassimizza l-qligħ li wieħed jagħmel fuq il-pannelli installati.