Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji ddedikat lill-Annimali, li se jiġi ċċelebrat nhar il-Ħadd li ġej, 4 ta’ Ottubru, tnediet skema valida għax-xahar t’Ottubru bil-għan li aktar familji jitħajru u jieħdu ħsieb l-annimali li hemm fis-sezzjoni tal-Animal Welfare ta’ Għawdex.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal, “se nagħtu lill-familji l-ġodda tal-annimal domestiku erba’ żjarat b’xejn għand il-veterinarju tal-Ministeru għal Għawdex fi ħdan is-sezzjoni tal-Ħarsien tal-Annimali u mat-tielet vista għand il-veterinarju jingħata wkoll voucher ta’ €50 biex jissarraf f’ikel, f’mediċini jew bżonnijiet oħra għall-annimal domestiku adottat”.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur ta’ EkoGħawdex spjega kif meta tagħżel li tadotta annimal domestiku tkun qed tagħti dar ġdida u bidu ġdid lil annimal fil-bżonn.