Il-Malta Enterprise nediet l-iskema Get Ready biex tipprovdi għajnuna finanzjarja lill-kumpaniji Maltin, u tgħinhom iħejju ruħhom għal kull relazzjoni kummerċjali li tista’ tidħol fis-seħħ bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit wara d-29 ta’ Marzu li ġej meta jseħħ Brexit. Ħabbar dan il-Ministru għall-Ekonomija u l-Intraprizi ż-żgħar Chris Cardona meta kien qiegħed jindirzza business breakfast dwar l-effetti ta’ Brexit fuq in-negozji Maltin.
L-iskema se tkopri 50% tan-nefqa sa €4,000 għal servizzi ta’ konsulenza biex il-kumpaniji joperaw bl-anqas impatt wara Brexit.
Karl Herrera, uffiċjal tal-Malta Enterprise, qal li l-għan ta’ din l-iskema huwa li kumpaniji maltin li għandhom rabta ma’ kumpaniji fir-Renju Unit jilqgħu għall-impatt li jista’ jkollu Brexit.
Wara r-referndum ta’ Brexit fl-2016, il-Malta Enterprise bdiet ħidma biex in-negozji Maltin li għandhom konnessjoni ma jintlaqtux mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, li ser isir fid-29 ta’ Marzu 2019.
Il-Ministru Chris Cardona qal li apparti din l-iskema, il-Gvern se jagħti informazzjoni dwar l-impatt li Brexit jista’ jkollu fuq iċ-ċittadini Maltin u Ingliżi, permezz ta’ sit eletroniku.
Qal li l-Gvern irid li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea jkollu l-inqas effett possibbli u mingħajr detriment għan-negozji u ċ-ċittadini Maltin.
Il-Ministru Cardona qal li l-Gvern jilqa’ l-abbozz tal-ftehim dwar Brexit li ġie propost mill-Kummissjoni Ewropea u maqbul mill-kabinett tal-Gvern fir-Renju Unit il-ġimgħa għaddiet.
Ftehim li se jkun fuq nett tal-aġenda tal-mexxejja Wwropej li se jitlaqgħu l-Ħadd li ġej għal summit straordinarju dwar Brexit.