Ir-raħħala tal-ħnieżer ser igawdu minn skema ta’ €446,000 biex tgħinhom jinvestu fil-produzzjoni tal-majjal.
Dan ġie mħabbar mill-Ministru għad-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo fi żjara f’razzett. L-iskema ffinanzjatha minn fondi nazzjonali, ser tkun qed tgħin lil raħħala li jkunu qed jinvestu fi spazji akbar għal ħnieżer.
It-tibdil fl-irziezet irid ikun konformi ma’ kriterji tad-Diviżjoni tar-Regolazzjoni Veterinajra, li se tibgħat rappreżentanti fuq il-post għal spezzjonijiet.
Ir-raħħala se jirċievu dan il-ħlas kull sena u se jlaħħaq il-€150 għal kull majjal.
Il-Ministru Refalo stqarr li l-prijorità tal-Gvern hi li jgħin lir-raħħala Maltin joffru spazji akbar għall-produzzjoni tagħhom.
Il-Ministru stqarr, “Sabiex ngħinu ir-raħħala li huma attivi fil-produzzjoni tal-majjal. Fejn aħna bħala Gvern sejrin nagħtu mhux inqas minn kważi nofs miljun ewro kull sena.”
Raħħal li tkellem magħna laqa’ din l-iskema għaliex se tgħinhom ikunu aktar kompettitivi fis-suq.
Mario Abela stqarr, “Dawn l-iskemi huma tajbin ħafna għalina jiġifieri nistgħu nkomplu għaddejjin.”
L-applikazzjonijiet jistgħu jinkisbu mill-Aġenzija għall-Pagamenti Agrikoli u Rurali u se jkunu miftuħa sal-aħħar ta’ Lulju.