Tħabbret skema mmirata li tkompli tattira turisti ta’ kwalità lejn Għawdex matul is-sena kollha.
Din l-iskema hija eliġibbli għal turisti li se jkunu fuq btala f’Għawdex bejn il-15 ta’ Ottubru 2023 u l-15 ta’ Marzu 2024. It-tul tal-btala trid tkun minn tal-inqas 10 iljieli, u jridu joqogħdu f’waħda mill-proprjetajiet li qed tipparteċipa f’din l-iskema.
Dawn it-turisti ser jingħataw skont ta’ 30% mill-booking sa massimu ta’ €300. Il-kofinanzjament għal dan l-inċentiv ser ikun ta’ 80% mill-gvern u 20% mill-privat.
L-iskema ġġib l-isem ‘Extended-Stay Incentive Scheme for the Accommodation Sector in Gozo 2023-24’ u hija miżura oħra tal-Baġit 2023.
15-il operatur qed jipparteċipaw f’din l-iskema hekk kif wieġbu għas-sejħa ta’ espressjoni ta’ interess li nħarġet mill-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu, b’aktar minn 140 proprjetà eliġibbli li t-turisti ser ikun jistgħu jagħżlu minnhom.
Il-proprjetajiet ivarjaw minn lukandi ta’ 4 u ta’ 5 stilel, boutique hotels, self-catering villas u farmhouses.
“Permezz ta’ din l-iskema se nkomplu nibnu fuq dak li diġà għamilna biex Għawdex ma tkunx destinazzjoni biss tas-sajf. Għaldaqstant qed nolqtu direttament ix-xhur tal-ħarifa u tax-xitwa, meta t-tendenza tkun li t-turiżmu barrani jonqos xi ftit wara x-xhur tas-sajf,” tenna l-Ministru Camilleri.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri
Huwa kompla jispjega li fl-aħħar snin, taqta’ l-perjodu tal-pandemija, Għawdex esperjenza żidiet sostanzjali fix-xhur hekk imsejħa shoulder periods. Dan huwa sforz il-ħidma kontinwa tal-gvern u tal-istakeholders sabiex ikompli jissaħħaħ il-potenzjal turistiku tal-gżira Għawdxija matul is-sena kollha.
L-operatur privat ser ikun qed joffri wkoll vawċer addizzjonali ta’ 10% lil dawk li jkunu bbukkjaw biex jinkoraġġixxi r-ritorn tal-istess turisti fix-xhur tas-sajf. Hawn il-Ministru Clint Camilleri semma li l-gżira Għawdxija dejjem kellha statistika b’saħħitha f’dawk li huma repeat visitors, bis-snin riċenti saħansitra jaqbżu l-50%.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur https://www.visitgozo.com/extended-gozo-stays/.