L-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma nediet il-ħames sejħa għal proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni fl-oqsma tal-ilma u l-enerġija.
Permezz ta’ din l-inizjattiva, li bdiet fl-elfejn u għoxrin, ġew iffinanzjati tlettax-il proġett ta’ riċerka fejn jidħlu l-ilma u l-enerġija, b’investiment ta’ miljun u sitt mitt elf ewro.
Dawn id-dettalji ngħataw mill-Ministru għall-Enerġija, Miriam Dalli u mis-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, waqt preżentazzjoni tal-konklużjonijiet minn riċerkaturi ta’ erba’ proġetti li gawdew minn din l-inizjattiva fit-tieni sejħa.
Fost it-tlettax-il proġett li diġà bbenefikaw, hemm inizjattivi li jaħdmu fuq kunċetti tanġibbli fil-ħajja ta’ kuljum, bħall-pannelli solari fid-djar, batteriji għall-karozzi elettriċi, u ilma potabbli.
“Rajna anki xi eżempji ta’ riċerkaturi fejn jidħol l-ilma, li tant huwa riżorsa importanti imma skars.”
Fejn jidħol l-ilma, l-oqsma ta’ riċerka li għandhom jiffokaw fuqhom l-applikanti prospettivi għal din is-sena għandhom ikunu s-sistemi ta’ greywater li jtejbu l-effiċjenza tal-ilma u sistemi ta’ irrigazzjoni agrikola aktar effiċjenti.
Fejn tidħol l-enerġija, l-applikanti għandhom jiffokaw fuq potenzjal ta’ sistemi ta’ enerġija mix-xemx jew mir-riħ, kif ukoll l-integrazzjoni tal-grid u l-ħażna tal-enerġija ma’ sorsi ta’ enerġija u demand-side management.
“Naraw li noħorġu dawn it-tip ta’ applikazzjonijiet għaliex nemmnu li għandna riċerkaturi f’pajjiżna li kapaċi joħorġu b’soluzzjonijiet li huma wkoll speċifiċi u jagħmlu sens għal Malta.”
L-applikazzjonijiet jistgħu jsiru online bejn l-erbgħa u għoxrin ta’ Ġunju u t-tlieta u għoxrin ta’ Settembru, u aktar informazzjoni qiegħda fuq is-sit elettroniku www.energywateragency.gov.mt.