Tnediet is-sitt edizzjoni tal-Programm LEAD, bil-għan li aktar nisa u tfajliet jidħlu fix-xena politika.
F’konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista u fil-preżenza ta’ bosta nisa, ġie spjegat kif sa issa lestew dan il-programm mija u ħamsin tfajla.
Bosta minnhom illum il-ġurnata jokkupaw karigi fil-politika, fosthom fil-kunsilli lokalli u oħrajn li kkandidaw ruħhom għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Il-Koordinatriċi ta’ LEAD, il-Ministru Miriam Dalli qalet kif dan il-programm juri b’mod ċar kif il-Partit Laburista qed jisma’ u jilqa’ aktar nies, partikolarment nisa.
Qalet, “Aħna miftuħin għal kulħadd irrelevanti mill-abilitajiet ta’ dawn in-nisa u tfajliet, irrelevanti mill-opijonijiet tagħhom, għaliex nixtiequ li jkollna l-kontribut ta’ kemm jista’ jkun nies ġejjin mill-isferi differenti tas-soċjetà u allura għal darb’oħra l-Partit Laburista qed iniedi LEAD u qed niftħu l-applikazzjoni li se jkunu miftuħin biex aktar nisa jersqu lejn il-Partit Laburista.”
Fil-konferenza tkellmu wkoll żewġ parteċipanti li temmew il-programm b’suċċess, li qalu kemm dan għenhom f’ħajjithom.
Abigail Cutajar qalet ma’ ONE News kif LEAD għenha tkun kunfidenti.
Spjegat, “Inħossni aktar kunfidenti li nuri u nwassal dak li verament jien nemmen fih, għaliex nemmen li kemm mara u kemm raġel jistgħu jkunu ta’ xempju għal ċittadini hemm barra biex ovvjament imexxu ’l quddiem lil pajjiżna, kemm lokalment u internazzjonalment.”
Il-President tal-Partit Laburista, Ramona Attard qalet kif permezz ta’ LEAD, il-Partit Laburista kompla jagħti aktar opportunitajiet lil dawk li forsi ma kinux jemmnu fihom infushom.
Hija semmiet l-impenn tal-Partit Laburista fil-Gvern biex fil-Parlament Malti jkun hemm rappreżentanza ugwali bejn is-sessi, liema mekkaniżmu se jibda jitħaddem mill-elezzjoni ġenerali li jmiss.