L-attività tal-Birgufest, li tittella’ mill-Kunsill Lokali tal-Birgu, se ssir bejn is-7 u d-9 ta’ Ottubru. Dan permezz ta’ programm li jinkludi diversi attivitajiet kulturali u artistiċi bis-sehem ta’ gruppi lokali, kif ukoll barranin. L-għan ewlieni tal-attività u l-promozzjoni tagħha huwa li jattira nies madwar il-gżejjer Maltin u turisti sabiex igawdu l-kultura u l-istorja li toffri l-belt storika u marittima tal-Birgu.
Huwa stmat li għall-attività tal-Birgufest ta’ din is-sena mistennija jattendu aktar minn 60,000 ruħ.
“Grazzi għall-iskema għall-Attivitajiet Kulturali Annwali ta’ din is-sena, il-Kunsill Lokali tal-Birgu ġie ffinanzjat madwar €30,000 għal dan il-festival li jiċċelebra l-kultura u t-tradizzjonijiet tal-lokal,” qalet is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli. Hija spjegat li apparti li attivitajiet bħal dawn huma importanti sabiex inżommu l-kultura Maltija ħajja, l-attivitajiet kulturali huma importanti wkoll għall-impatt ekonomiku pożittiv li jħalli fil-ħwienet, negozji u għaqdiet volontarji tal-lokal.
L-attività ‘Birgu by Candlelight’, li saret sinonima ħafna mal-Maltin kif ukoll mat-turisti, se ssir nhar is-Sibt, 8 ta’ Ottubru. Għal din l-attività d-dwal tat-toroq tal-Birgu jintfew kollha u minflok, it-toroq jinxtegħlu b’eluf ta’ xemgħat li joħolqu atmosferu mill-isbaħ. Għal din l-edizzjoni, il-Kunsill Lokali kkollabora ma’ kumpanija privata li forniet lill-Kunsill Lokali b’numru sostanzjali ta’ vażetti tal-ħġieġ sabiex jitnaqqsu l-użu ta’ fliexken tal-plastik li fihom titpoġġa x-xemgħa.
Is-Sindku tal-Birgu John Boxall qal li din is-sena ser jintużaw ’il fuq minn 20,000 xemgħa, grazzi għall-impenn u d-dedikazzjoni tar-residenti tal-Birgu. Huwa spjega li l-festival se jkun mifrux fuq il-lokalità kollha u li f’kull rokna se jkun hemm attivitajiet li jilħqu l-gosti ta’ kulħadd.