Tnediet ir-raba’ edizzjoni tal-Istaġun ta’ ŻiguŻajg 2022–2023, maħsub biex juri xogħol għat-tfal u l-udjenzi żgħażagħ matul is-sena kollha.
Permezz ta’ dan, it-tfal u l-familji tagħhom se jgawdu bosta attivitajiet minn individwi kreattivi lokali u internazzjonali mfassla permezz ta’ forom tal-arti differenti bħall-mużika, il-film, it-teatru, l-animazzjoni diġitali, iż-żfin u r-rakkontar tal-istejjer.
Id-Direttur Artistiku ta’ Spazju Kreattiv, Daniel Azzopardi, spjega kif bi 12-il proġett, seba’ forom tal-arti, u aktar minn 40 artist, l-istaġun ta’ ŻiguŻajg għal din is-sena se juri wħud mill-aħjar produzzjonijiet offruti u, permezz ta’ dan, jippromwovi l-inklużjoni fi ħdan il-komunità tal-arti u lil hinn minnha.
“Wara s-suċċess tal-festival tas-sena l-oħra, għandna 12-il proġett matul din is-sena għat-tfal u familji tagħhom u dawn ikunu jistgħu jesperjenzaw fost l-aħjar produzzjonijiet, kemm lokali u internazzjonali ta’ xogħol speċifiku għat-tfal, jiġifieri artisti li jaħdmu speċifikament fuq dan ix-xogħol.”
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, qal li Żigużajg iżomm lit-tfal attivi u jagħtihom opporunità sabiex jinvolvu ruħhom aktar f’attivitajiet artistiċi u kreattivi.
“It-tfal huma importanti ħafna fil-qasam kulturali u rridu nkomplu nagħtuhom opportunità li jiġu esposti għal kultura tal-istess livell u tal-aqwa kwalità. Dan huwa li qed isir bis-saħħa ta’ din il-ħidma matul is-sena kollha.”
Rupert Cefai, iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Kreattività, qal li programm bħal dan jippermettilna niffukaw fuq l-iżvilupp tat-tfal u fuq kif dan huwa essenzjali biex jingħataw l-għodod biex jipperċepixxu l-ħajja b’mod kreattiv u ftit aktar artistiku.