Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri nieda r-raba’ edizzjoni ta’ ‘Science in the Citadel’ organizzata mid-Direttorat ta’ EkoGħawdex fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex. Huwa qal li dan l-avveniment qed jirritorna wara nuqqas ta’ tliet snin u hu intiż biex jiċċelebra x-xjenza u t-teknoloġija fiċ-Ċittadella, ir-Rabat, Għawdex.
Il-Ministru Camilleri spjega li ‘Science in the Citadel’ għandu l-għan li jippromwovi l-edukazzjoni u l-involviment tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM) fost il-pubbliku ġenerali.
“Illum il-ġurnata dan sar parti mill-kalendarju kulturali u huwa avveniment popolari li jattira l-viżitaturi minn Malta u Għawdex. Bl-avvanzi teknoloġiċi tal-lum, avvenimenti bħal dawn iġibuna qrib id-dinja teknoloġika u xjentifika, u issa aktar minn qatt qabel, ix-xjenza qed issir suġġett meħtieġ għall-għajxien tagħna”.
Matul l-avveniment, il-viżitaturi jistgħu jipparteċipaw f’esebizzjonijiet interattivi, attivitajiet hands-on, u dimostrazzjonijiet li juru l-aħħar riċerka xjentifika u innovazzjonijiet teknoloġiċi. ‘Science in the Citadel’ se jkun jikkonsisti wkoll f’workshops, treasure hunt b’laqta xjentifika u kulturali, laqgħat ma’ riċerkaturi u esperti tal-industrija.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri temm jgħid li f’dan il-festival mingħajr ħlas se jkun hemm xi ħaġa biex tgawdi l-familja kollha u għalhekk ħeġġeġ lil kulħadd sabiex jattendi din iċ-ċelebrazzjoni ta’ xjenza u teknoloġija.
‘Science in the Citadel’ se jsir fl-inħawi kollha taċ-Ċittadella, il-Ħadd, 14 ta’ Mejju, bejn l-10am u s-6pm.