Ġiet imnedija uffiċjalment il-politika nazzjonali għall-infrastruttura pubblika għall-iċċarġjar ta’ karozzi elettriċi u abbozz ta’ regolamenti.
F’konferenza tal-aħbarijiet b’wirja sabiħa ta’ karozzi elettriċi fl-isfond, il-Kap Eżekuttiv tal-Enemalta, l-Inġinier Jason Vella spjega kif permezz ta’ proġett pilota li l-Enemalta għamlet ma’ numru ta’ sidien ta’ karozzi elettriċi ġiet mfassla t-triq ’il quddiem għal dan is-settur.
Hemm faxxa bejn nofsillejl u s-sitta ta’ filgħodu u nofsinhar u l-erbgħa ta’ waranofinhar u l-Ħadd kollu fejn japplikaw tariffi inqas għall-iċċarġjar b’inqas minn tlettax-il ċenteżmu għal kull unit f’residenzi.
F’ħinijiet oħra f’residenzi japplikaw it-tariffi normali.
Għall-iċċarġjar fil-pubbliku japplikaw it-tariffi ta’ kważi 13-il ċenteżmu f’dawk il-ħinijiet off-peak filwaqt li fil-kumplament tal-ħin it-tariffa tkun ta’ kważi 15-il ċenteżmu.
L-Enemalta qed tippjana wkoll għaż-żieda fid-domanda b’numru ta’ investimenti.
Il-Kap Eżekuttiv tal-bord għar-regolatur tas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma, Marjohn Abela ħabbar tariffi ġodda li ser japplikaw għall-iċċarġjar ta’ vetturi f’residenzi u fil-pubbliku.
Ġie spjegat kif għas-servizz b’charging single phase ser japplika prezz ta’ €50 li jitħallas darba u €4 fix-xahar.
Għall-three phase hemm €80 li titħallas mal-applikazzjoni u €6 fix-xahar.
Hemm ukoll tariffi għall-iċċarġjar fil-pubbliku b’tariffa ta’ €50 u ħlas fix xahar ta’ €6 u għal three phase tariffa ta’ €80 u prezz fix-xahar ta’ €8.
Dawn it-tariffi japplikaw għall-operaturi.
L-inġiniera Abigail Cutajar inkarigata minn din il-politika spjegat kif fost il-valuri importanti hemm il-Green paper nazzjonali, tnaqqis fl-emissjonijiet u l-qalba tal-flotta ta’ vetturi tal-Gvern u tat-trasport pubbliku f’waħda elettrika.
Ser ikun introdott ukoll il-kunċett li persuna tkun libera li tiċċarġja l-karozza ma’ operaturi differenti la darba tkun abbonata ma’ wieħed mill-operaturi f’pajjiżna.
Dan filwaqt li persuna li tkun ġejja minn barra b’karozza elettrika tkun tista’ tagħmel użu tas-servizz b’sistema ta’ e-roaming.
Cutajar spjegat kif flimkien mal-politika nazzjonali hemm żewġ fatturi oħra importanti maħsuba biex iwasslu lil pajjiżna lejn id-dekarbonizazzjoni.
Qalet, “Hemm ir-regolament biex isaħħaħ din il-policy nazzjonali biex ikun hemm linja gwida b’mod regolarizzat, imbagħad it-tielet fattur huma t-tariffi, t-tariffi fejn qed niffukaw fuq l-ambitu residenzjali u dak mhux residenzjali. B’hekk qegħdin naraw li l-fori rooms kollha nazzjonali ser ikunu qiegħdin jinqdew u jinqdew biex naraw iktar it-triq lejn id-dekarbonizazzjoni.”
Il-Ministru għall-Enerġija u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli tenniet kif fit-toroq tagħna hemm kważi 4,000 vettura hybrid jew elettriċi iżda qalet li f’mument fejn is-suq għadu fil-bidu l-Gvern qed jara li jkollu r-regolamentazzjoni kollha.
Qalet kif ir-regolamenti jassiguraw trasparenza sħiħa fil-prezzijiet pubbliċi tal-iċċarġjar.
B’hekk illum infetħet konsultazzjoni pubblika dwar iż-żewġ dokumenti mnedija li ser iddum miftuħa sal-aħħar ta’ Settembru.
Spjegat, “Irridu nisimgħu mill-pubbliku. Jiġifieri sew il-policy u anke r-regolamentazzjoni huma għall-konsultazzjoni pubbliku. Irridu nisimgħu x’għandhom xi jgħidu n-nies ħalli dak il-pjan li għandna fejn nistgħu nirfinawh, nirfinawh aħjar għax wara kollox irridu sistema li taħdem u sistema li n-nies ikunu komdi biha biex din it-transizzjoni sseħħ kemm jista’ jkun malajr.”