Il-Ministeru għal Għawdex, permezz tad-Direttorat għall-Kultura, nieda l-paġna ta’ Facebook Gozo-Unity in Creativity. Din il-pjattaforma online se tikkonsisiti f’kompetizzjonijiet bi premju kull ġimgħa, b’temi differenti, u wieħed se jkun jista’ jsegwi wkoll intervisti ma’ artisti Għawdxin skont it-tema partikolari tal-ġimgħa.
L-għan ta’ din il-paġna hu li f’dan iż-żmien, fejn bosta nies qed iqattgħu ħafna ħin id-dar speċjalment tfal, anzjani u persuni vulnerabbli, isservi bħala pjattaforma ta’ arti viżiva u kreattiva fejn jistgħu jsibu materjal informattiv u jimlew il-ħin tagħhom b’mod edukattiv.
Se jkun hemm ukoll element ta’ sorpriża fejn wieħed ikun jista’ jinnomina lil xi ħadd biex jirċievi telefonata mingħand persuna li jkun jammira, ovvjament irid ikun Malti jew Għawdxi. Fuq din il-paġna se jkunu qed jiġu ċċelebrati wkoll b’mod viżiv il-ġranet internazzjonali.
Għal aktar informazzjoni wieħed għandu jżur il-paġna ta’ Facebook Gozo-Unity in Creativity.