F’għeluq il-25 sena mit-twaqqif tal-Kunsilli Lokali, tnediet White Paper għall-konsultazzjoni pubblika li mistennija tirriforma l-Gvern Lokali.
Dan kollu bil-għan li jissaħħu l-Kunsilli Lokali u reġjonali, filwaqt li jingħata importanza lill-qasam soċjali sabiex ħadd ma jiċċaħħad minn opportunitajiet u servizzi li jtejbu l-kwalità tal-ħajja.
F’konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis spjega kif fost il-proposti ewlenin hemm dik tar-reġjuni, li se tassigura li dawn ikollhom irwoli flimkien ma’ responsabilitajiet aktar definiti, u fl-istess waqt jingħataw ir-riżorsi sabiex jaqdu l-funzjonijiet tagħhom:
“B’dan il-pass li se nagħmlu, mhux biss se naraw li l-Kunsilli Lokali jaqdu d-doveri tagħhom, imma se jkollna wkoll ir-reġjuni b’numru ta’ responsabiltajiet li qatt ma kellhom, u issa se nibdew nagħmluhom b’mod reġjonali fil-lokalitajiet tagħna”.
Il-White Paper tipproponi li jiġu xolti l-kumitati amministrattivi. Fl-istess waqt, kunsillier jingħata r-responsabbiltà ta’ dawn iż-żoni.
Ir-riforma tipproni wkoll li jsir użu akbar mit-teknoloġija tal-informatika għall-ħruġ tal-permessi mill-Kunsilli Lokali.
Dwar il-kariga ta’ Sindku, il-White Paper tistaqsi jekk wasalx iż-żmien li dan għandu ikun full-time, b’terminu massimu ta’ tliet leġiżlaturi.
Iż-żgħażagħ se jkomplu jkunu fuq quddiem tal-pjan tal-Gvern, hekk kif qed tiġi kkunsidrata l-possibiltà li ż-żgħażagħ ta’ 16-il sena jingħatalhom id-dritt li jikkontestaw ukoll għall-elezzjonijiet lokali. Dan wara li ngħtaw id-dritt li jivvotaw f’kull elezzjoni f’pajjiżna.
“Aħna rridu li mhux biss darba f’ħames snin tipparteċipa u tagħti d-deċiżjoni tiegħak fil-Kunsill Lokali imma aħna rridu li n-nies hemm barra fosthom iż-żgħażagħ tul ħames snin jipparteċipaw f’dak kollu li jkun qiegħad jagħmel il-kunsill”.
Il-konsultazzjoni ser tibqa’ miftuħa għall-pubbliku sat-30 ta’ Novembru li ġej.