Il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd, u d-Drittijiet tal-Annimali ta bidu għal konsultazzjoni pubblika dwar l-istrateġija nazzjonali għat-trattament xieraq tal-annimali.
Il-Ministru għall-Agrikoltura, Anton Refalo, irrimarka li l-annimali huma f’qalb il-Gvern. Fakkar li fl-aħħar sentejn saru diversi diskussjonijiet mal-partijiet ikkonċernati. Barra minn dan, matul dawn l-aħħar snin saru diversi skemi finanzjarji għar-raħħala u anki kampanji edukattivi, filwaqt li nfetħu għadd ta’ cat cafes u parks tal-klieb.
Qal, “Nemmen illi din l-istrateġija nazzjonali għall-ħarsien tad-drittijiet tal-annimali hija fil-politika tal-Gvern preżenti għax dan huwa Gvern li jisma’ u jattwa. Naħseb importanti li, fil-firxa wiesgħa tal-konsultazzjoni illi sejrin nagħmlu f’dawn l-erba’ ġimgħat fejn aħna se nisimgħu lill-pubbliku, aħna nagħmlu strateġija illi tkun qed tagħti dinjità lill-annimali tagħna.”
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said qalet li temmen li din l-istrateġija għandha titfassal mhux biss mill-Gvern, imma wkoll minn dawk kollha li jħobbu l-annimali.
Is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said qal li din il-konsultazzjoni se tagħti vuċi lill-annimali u tixpruna l-prijoritajiet tal-Gvern matul din il-leġiżlatura u anki għall-futur.
Parti minn din il-konsultazzjoni se ssir waqt il-Fiera Agrikola, l-AgriFair, li se ssir fi tmiem din il-ġimgħa.
Qalet, “Proprju l-konsultazzjoni pubblika se ssir biex din l-istrateġija ma tkunx imfassla mill-Gvern, imma tkun strateġija mfassla mal-pubbliku, flimkien mal-attivisti tal-annimali, mar-raħħala, mal-NGOs, u kif ukoll il-Kunsilli Lokali. Aħna nemmnu f’politika inklussiva, f’governanza partiċipattiva, ħalli dak li nfasslu jkun rifless tar-realtajiet li għandna bżonn fejn jidħol it-trattament xieraq tal-annimali.”
Matul din il-konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat kif din l-istrateġija, li se tibda tinkiteb wara li jintemm il-perjodu ta’ konsultazzjoni, trid tirrispetta d-drittijiet bażiċi tal-annimali, kemm dawk li jgħixu fid-djar kif ukoll dawk li jitrabbew mir-raħħala. Wieħed jista’ jibgħat is-sottomissjonijiet tiegħu sas-17 ta’ Ġunju li ġej bl-imejl.