F’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministeru għall-Ġustizzja u l-Familja, t-Tnejn filgħodu tnediet il-konsultazzjoni pubblika b’rabta mar-riforma fil-Qorti tal-Familja.
Din ir-riforma, li hija parti mill-programm elettorali ‘Malta Flimkien’, se tikkonċerna numru ta’ punti, b’mod partikolari qiegħed ikun propost li jkun hemm Qorti speċjalizzata għall-Familja u b’hekk tinfatam minn sezzjoni tal-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, u jkunu kkonsolidati l-liġijiet tal-familja.
Apparti minn hekk, se jitwaqqaf il-Bord tal-Familja, li se jkun kompost minn professjonisti bħal avukati, u oħrajn psikosoċjali, biex tkun provduta aktar għajnuna lil dawk li jkunu għaddejjin mill-proċess filwaqt li jiġi mħaffef l-istess proċess. Dan qed isir għaliex quddiem il-bord jiġu ppreżentanti l-proposti tal-partijiet b’rabta mal-proċess li jkunu daħlu għalih, proċedura li qabel kienet issir waqt seduta tal-Qorti.
F’dan l-istadju, l-partijiet jissottomettu għadd ta’ dettalji dwarhom jekk ikun hemm xi preokkupazzjonijiet, fosthom minħabba l-manteniment u t-trobbija tat-tfal. Hawn intqal kif dan il-bord mhux se jkun qiegħed jiddeċiedi fuq materji, però jservi t’għajnuna qabel il-proċess ta’ medjazzjoni u b’hekk jiġi ffaċilitat il-proċess. Dan ser ifisser li d-deskrizzjoni suprema se tibqa’ dik tal-Qorti.
Qiegħed ikun propost ukoll li jiġu emendati t-termini b’rabta mat-tul tal-proċess, fejn is-seduti jkunu restritti biex il-proċess ikompli jiqsar. Id-drittijiet u responsabbiltajiet ugwali bejn il-partijiet, co-parenting, wkoll se jkunu punti li r-riforma se tkun qed tindirizza, biex il-proċess jiġi aġġornat għall-ħtiġijiet tal-lum.
B’rabta mal-manteniment, qed ikun propost li dan ma jibqax deskrizzjoni tal-avukat tal-partijiet, però jibda jinqata’ b’mod dirett mis-salarju jew minn dħul ieħor li jista’ jkollhom il-partijiet, u jiġi trasferit għall-parti l-oħra. Nuqqas ta’ ħlas mistenni li jibda jiġi kkunsidrat bħala reat kontinwu mill-Qorti, biex b’hekk jonqos id-dewmien tal-kawżi.
Il-vjolenza domestika wkoll mistennija li tkun indirizzata, fejn qed ikun propost li mill-bidu tal-proċeduri tkun ppreżentata l-evidenza biex il-proċeduri jkunu jistgħu ikomplu bil-kawża mill-ewwel.
Intant, qed ikun propost ukoll li tinstema’ l-vuċi tat-tfal permezz ta’ avukati li jkunu mħarrġa biex jirrapreżentaw lit-tfal bl-aħjar mod. Emendi fil-proċess tax-xoljiment tal-assi wkoll qed jiġu proposti.
Dan kollu jsegwi u jindirizza l-punti li tqajmu fost l-oħrajn fil-laqgħa pubblika li saret f’April ta’ din is-sena, mill-Ministeri kkonċernati u li għaliha attenda wkoll il-Prim Ministru Robert Abela.