Tnediet kampanja ta’ għarfien dwar l-eżerċizzju fiżiku, bl-isem ‘Move To Improve’, li tħeġġeġ aktar persuni jiġġieldu l-obeżità f’pajjiżna, fejn jirriżulta li din tolqot mas-70% tal-popolazzjoni kollha u twassal għal diversi mard kroniku.
Għalkemm qed isiru ħafna inizjattivi biex wieħed iżomm aktar attiv, din il-kampanja tenfasizza biex ma jintilifx il-fokus fuq l-affarijiet l-aktar sempliċi bħala eżerċizzju.

Il-Ministru għas-Saħħa, Jo Etienne Abela, fil-preżenza ta’ persuni li l-eżerċizzju hu parti mill-iskeda tagħhom ta’ kuljum, tkellem dwar l-importanza ta’ dan kollu, fejn fost il-kundizzjonijiet li l-eżerċizzju jgħin inaqqas hemm il-mard tal-qalb, tal-pulmun, mard relatat mall-puplesija, trombosi kif ukoll artrite, fost ħafna benefiċċji oħrajn.
“Hu importanti li jkollna gyms u l-miżuri li jkollna servizzi ta’ gym b’xejn għaż-żagħżagħ, dik hi pass importani ħafna, però ejja ma ninsewx il-bażiku. Kif tkellimna qabel, kemm hu importanti li nieklu bnin, kemm hu importanti li l-eżerċizzju nagħmluh. Nevitaw kemm jista’ jkun, fejn nistgħu, nirranġaw bla karozza, fejn nistgħu nirranġaw billi nimxu mixja, nagħmluha.”
Il-Ministru Jo Etienne Abela

Id-Direttriċi tad-Direttorat tal-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard, Dr Paula Vassallo, qalet li jafu kemm hu diffiċli li ċerti nies isibu ċans biex jagħmlu l-eżerċizzju.
Għaldaqstant qed iniedu anke mappa li turi l-postijiet u l-opportunitajiet biex wieħed jagħmel diversi attivitajiet. https://hpdp.gov.mt/
“Dawn il-mapep huma għan-nies ta’ kull età u ta’ kull attività fiżika, kif ukoll li aħna rridu nġibu lin-nies flimkien għax nafu wkoll li l-attività fiżika mhux biss tajba għas-saħħa fiżika u s-saħħa mentali, kif qal ukoll il-Ministru, imma hi importanti wkoll biex inġibu n-nies flimkien. Allura aħna rridu nħeġġu l-attività fiżika fil-poplu Malti u Għawdxi, pass pass biex dejjem intejbu l-ħajja u l-kwalità ta’ ħajja tagħna.”
Paula Vassallo, Direttriċi