Tnediet il-kampanja bl-isem ‘L-Ilma tal-Vit Iftaħ u Ixrob’ mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u r-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma, ir-REWS. Dan tħabbar f’konferenza, li preżenti għaliha kien hemm il-Ministru responsabbli Miriam Dalli.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, Karl Cilia, spjega li sar investiment ta’ €127 miljun, ko-finanzjat minn fondi Ewropej, u, permezz ta’ xogħlijiet fl-aħħar snin, Malta u Għawdex kollha, minn tarf s’ieħor, issa għandhom togħma uniformi tal-ilma.
Spjega li aktar minn 70% tal-ilma ġej minn dak li jipproduċu r-reverse osmosis f’pajjiżna u dan l-investiment wassal biex Malta għandha l-itjeb ilma u bl-aqwa togħma li qatt kellha fl-istorja.
“Żiedna l-porzjon tal-ilma li jiġġenera r-reverse osmosis, li hu pur ħafna u naqqasna s-sezzjoni tal-ilma tal-pjan, li hu bħala karatteristika hu ilma high in minerals, jiġifieri ilma mielaħ, bi chlorides għoljin. Naqqasna dawn il-chlorides biex issa qed noffru ilma aktar, b’inqas minerali u b’togħma aħjar.”
Għal dan il-għan, f’din il-kampanja nazzjonali, il-Gvern se jerġa’ jgħin lill-familji b’sussidji għax-xiri ta’ reverse osmosis li jaqbad dirett mal-vit tad-dar li jkompli jagħmel l-ilma aħjar għax-xorb.
Hemm capping ta’ 60% fuq il-carbon filter li jaqbdu mal-vit tal-ilma sa massimu ta’ €100.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tar-Regolatur, Marjohn Abela, spjega li l-applikazzjonijiet jibdew jintlaqgħu mill-25 ta’ Marzu u għandhom sal-aħħar tas-sena. Wieħed jista’ jniżżel il-formola minn fuq is-siti rews.org.mt u waw.com.mt.
Il-Ministru Miriam Dalli qalet li dan hu pass enormi, hekk kif issa l-ilma tal-vit hu sigur u ta’ kwalità.
“Allura qegħdin noffru lill-poplu l-għażla biex imur għall-ilma tal-vit. Qegħdin ninċentivaw lin-nies biex jinvestu f’carbon filter, li ma jiswiex ħafna flus, imma kif nagħmlu f’diversi oqsma oħrajn ħarisna u għażilna li ninċentivaw lin-nies.”
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, assigurat li l-ilma tal-vit hu sigur għax-xorb.
“B’investiment issa li qed jiġri li qed titjib ukoll it-togħma, allura b’hekk in-nies ikunu aktar inkoraġġanti li jixorbu dirett mill-ilma tal-vit. Aħna ninkoraġixxu n-nies biex jixorbu aktar ilma u jevitaw xorb li jkun fih ħafna zokkrijiet, għax għas-saħħa l-ilma hu ta’ dejjem hu ta’ aktar benefiċċji.”