Bit-tema ‘Ingawdu l-baħar b’responsabbiltà’, ġiet imnedija l-kampanja annwali tat-Transport Malta mmirata biex tippromwovi s-sigurtà u r-responsabbiltà fuq il-baħar.
Il-kampanja tħabbret mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura, u l-Proġetti Kapitali, Aaron Farrugia, u mill-Kap Eżekuttiv tat-Transport Malta, Jonathan Borg.
L-uffiċjal tat-Transport Malta Rudolph Muscat spjega affarijiet li m’għandhomx jagħmlu dawk li das-sajf se joħroġu fuq il-baħar bid-dgħajsa.
“Inżommu l-ispeed sewwa viċin l-art u viċin il-bajjiet; noħorġu ’l barra meta wieħed itella’ l-ispeed. Deħlin lura l-port wara ġurnata fuq il-baħar, deħlin mijiet ta’ dgħajjes f’salt flimkien – nagħtu ċans lil xulxin u naħdmu b’kawtela. Nibżgħu għaż-żoni tal-għawwiema. Ma tistax torbot magħha għax tagħmlilha l-ħsara u lanqas huwa ideali li tagħmel manuvri viċin tagħhom għax ikollok xi għawwiem li joħroġ miż-żona tal-għawwiema u nżommuh sikur xorta. Is-sound fuq bajjiet: ma ndejqux lid-dgħajjes ta’ madwarna.”
Il-kampanja ta’ din is-sena se tiffoka fuq kif għandna nevitaw l-inċidenti, fuq is-sostenibbiltà, u fuq ir-responsabbiltà ta’ dawk li jużaw id-dgħajjes u dawk li jgħumu biex niżguraw esperjenza sigura u pjaċevoli għal kulħadd.
Il-Kap Eżekuttiv Jonathan Borg qal li, fix-xhur tas-sajf, it-Transport Malta se tkompli għaddejja bi spezzjonijiet ta’ kuljum u tagħmel aċċenn fuq l-edukazzjoni.
“L-uffiċjali tat-Transport Malta qegħdin hemm barra biex nedukaw u, fl-istess ħin, ninfurzaw. L-edukazzjoni tiġi qabel l-infurzar għax aħna qegħdin hemmhekk mhux biex ninfurzaw biss imma biex nedukaw lill-poplu, biex kulħadd ikun jista’ jgawdi l-bajjiet u s-sajd li qiegħed magħna.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Aaron Farrugia spjega li r-responsabbiltà fl-ibħra tagħna mhix biss ta’ dawk li jkunu qed isuqu xi opra tal-baħar, imma wkoll ta’ dawk li jkunu qed jgħumu.
Huwa appella lil dawk li jbaħħru, lill-għaddasa, u lill-għawwiema kollha biex jipparteċipaw b’mod attiv fil-kampanja billi jiffamiljarizzaw ruħhom mal-linji gwida tas-sikurezza, jadottaw prattiki sostenibbli, u jirrispettaw l-ekosistema tal-baħar.