Tnediet il-kampanja ta’ Pink Oct – Mov ’22 hekk kif din il-kampanja rritornat lura bis-saħħa.
Il-kampanja tnediet miċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Marigold, Michelle Muscat taħt il-Patroċinju tal-First Lady, is-Sinjura Miriam Vella.
Fl-aħħar snin Pink October kiber biex ikopri l-għarfien mhux biss dwar il-kanċer tas-sider iżda wkoll dwar kanċers komuni oħra tan-nisa – prinċipalment kanċer tal-ovarji u ċervikali li fil-gżejjer tagħna jibqgħu tabù. Il-kampanja tħeġġeġ lin-nisa biex ikunu miftuħa għal kwistjonijiet bħal dawn, jitgħallmu kif jevitaw li jimirdu, kif jiċċekkjaw lilhom infushom, jagħmlu l-iskrinjar u t-testijiet meħtieġa u jiffaċċjaw il-biża’ li ħafna drabi twaqqafhom milli jfittxu l-għajnuna sakemm ikun tard wisq.
Il-kampanja Pink October-Movember kif isimha jindika wkoll tqajjem kuxjenza dwar il-kanċer tal-irġiel u s-saħħa tal-irġiel b’enfasi fuq il-kanċer tal-prostata u l-kanċer tat-testikoli. Wara stħarriġ li sar mal-pajjiż kollu, il-kampanja ta’ din is-sena qed tiffoka mhux biss fuq il-ħtieġa li jiċċekkja lilu nnifsu iżda wkoll fuq kif dan isir b’mod korrett.
Il-pubbliku ġenerali huwa mħeġġeġ biex joqgħod attent għall-messaġġi, il-billboards, ir-reklami televiżivi, il-midja soċjali u l-postijiet onlajn biex jitgħallmu aktar dwar kif ikunu kuraġġużi, jagħmlu l-pass li jmiss u jiċċekkjaw ġisimhom regolarment.
Jekk tixtieq tappoġġja Pink Oct – Mov ’22 jekk jogħġbok żur il-paġna ta’ Facebook Pink Oct-Mov jew Instagram jew marigold.org.mt/pink
biex titgħallem aktar dwar l-avvenimenti tagħna dan ix-xahar jew tagħti donazzjoni fuq in-numri hawn taħt.
Agħti donazzjoni fuq
Donazzjonijiet SMS 50619238 għal €11.65
Donazzjonijiet bit-telefon 51702052 €15 51802053 €25
Mobile Pay 99912373 għal ammonti sa €500