Ġiet mnedija l-Istrateġija Nazzjonali tal-Edukazzjoni mill-2024 sal-2030. Id-dokument b’120 inizjattiva qed jara pjan ħaj u tanġibbli li jirrifletti l-bżonnijiet u l-aspirazzjonijiet tal-edukazzjoni f’pajjiżna.
Fil-fatt permezz ta’ mitejn laqgħa ta’ djalogu wasal fl-aħħar fażi tiegħu dan id-dokument, bil-benesseri tal-istudenti u l-għalliema jkun l-ewwel pilastru f’din l-istrateġija, biex issa jimxi għal konsultazzjoni pubblika.
Din l-istrateġija se tiffoka l-aktar fuq il-persuna b’reviżjoni fis-sillabi u l-kisbiet ta’ tagħlim, modi ta’ assessjar differenti li jirrispetta d-diversità tal-istudenti, fost oħrajn.
Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Edukazzjoni, Matthew Vella, qal li s-stakeholders kollha kienu involuti b’mod sħiħ. Irrimarka li dan id-dokument qed jibgħat messaġġ ċar li l-edukazzjoni qiegħda hemmhekk biex persuna tikseb il-ħiliet neċessarji u jkollha karriera ta’ suċċess.
Ma’ ONE News, Vella tkellem dwar wieħed mill-aktar pilastri importanti ġodda, li qed jara li l-istudent jitħares b’mod sħiħ u mekkaniżmu biex l-edukaturi jkunu jistgħu jiġu mgħejjuna b’mod ħolistiku.
“Qed naraw li, permezz ta’ din l-istrateġija, jiġi żviluppat programm li se jkun jismu Family Community Schooling Programe. Permezz ta’ dan il-programm se nkunu qed naraw li naħdmu b’mod integrat biex inħarsu b’mod sħiħ l-interess tal-istudenti kemm mill-aspett soċjali kif ukoll mill-aspett edukattiv. B’dan il-mod se nkunu wkoll qed naraw li nagħtu sapport sħiħ lill-edukaturi tagħna.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru responsabbli Clifton Grima qal li jinsab sodisfatt ħafna li, minn April ta’ din is-sena, beda pjan ġdid fejn kulħadd ta l-kontribut tiegħu.
Tenna li dan id-dokument jirrappreżenta kemm pajjiżna lest li jagħti valur akbar lill-persuni li għandhom x’jaqsmu ma’ dan il-qasam, fosthom l-edukaturi u l-istudenti u spjega x’inhu l-pass li jmiss.
“Bnejna dan id-dokument, li issa qiegħed għall-konsultazzjoni pubblika. Konsultazzjoni pubblika li għandha twassal għall-pubblikazzjoni ta’ din l-istrateġija nazzjonali għall-edukazzjoni f’pajjiżna li twassalna sal-2030 u tara dak li huma l-ħiliet li huma neċessarji tagħraf dawk l-aspetti li tant huma kruċjali f’dinja li qed tevolvi b’mod kontinwu.”