Tnediet l-istrateġija nazzjonali marbuta mar-riċerka u l-innovazzjoni sal-elfejn sebgħa u għoxrin. Dan sar waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mis-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti.
Intqal kif din l-istrateġija fiha ħames prijoritajiet, li se jiġu implimentati permezz ta’ sinerġija bejn il-Gvern, l-istituzzjonijiet edukattivi, il-privat u s-soċjetà ċivili.
Id-Direttur tal-Politika u l-Istrateġija tal-Kunsill Malti tax-Xjenza u t-Teknoloġija, l-MCST, Ramona Saliba Scerri, sostniet l-importanza ta’ struttura ta’ governanza b’saħħitha għall-ekosistema tar-riċerka u l-innovazzjoni.
L-istrateġija li qed invaraw illum għandha l-għan li tagħti direzzjoni strateġika għas-snin li ġejjin fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni. Mhux biss fejn jidħol f’termini ta’ investimenti finanzjarji, iżda anke f’dawk l-istrutturi li hemm bżonn biex Malta jkollha ekosistema b’saħħitha fejn tidħol ir-riċerka u l-innovazzjoni.
Ramona Saliba Scerri, Director MCST
Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, Dr Tonio Portughese, stqarr li din l-istrateġija tistabbilixxi pjan biex pajjiżna jkompli javvanza fir-riċerka u l-innovazzjoni.
Is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti sostna li, permezz ta’ din l-istrateġija, il-viżjoni tal-Gvern għal dan is-settur hi ċara.
Il-Gvern jemmen bis-sħiħ bil-kontribut tar-riċerka u l-innovazzjoni biex ikollna pajjiż aktar kompetittiv, aktar produttiv, bil-għan aħħari jkun dak li nkomplu nkabbru l-ekonomija biex b’hekk inkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies.
Keith Azzopardi Tanti, Segretarju Parlamentari