Tnediet l-istrateġija nazzjonali dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika bi pjan ta’ ħames snin li jinkludi sensiela ta’ azzjonijiet u miżuri li se jkunu qed jitwettqu minn diversi entitajiet pubbliċi biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-vjolenza domestika.
Dan il-pjan ta’ azzjoni jindirizza miżuri legali, ġbir ta’ informazzjoni, prevenzjoni, protezzjoni u appoġġ, kif ukoll il-prosekuzzjoni. Dan qed isir bil-għan li dejjem jibqgħu jonqsu każi ta’ vjolenza domestika kif ukoll jiġu mgħejjuna l-vittmi ta’ din ir-realtà soċjali.
Fid-diskors tal-okkażjoni, il-Ministru Byron Camilleri qal li l-vjolenza domestika hi pjaga soċjali li jeħtieġ nibqgħu niġġilduha b’kull mod. Hu spjega li fl-aħħar xhur u snin sar progress, iżda, fid-dawl li din hi realtà dejjiema, l-impenn hu wieħed kontinwu.
Qal, “L-istrateġija tagħti lok kemm għall-edukazzjoni u kampanji t’għarfien, iżda mbagħad ukoll għall-għodda speċifika li jeħtieġ ikun hemm biex inkomplu nassistuhom u allura anke matul is-sena d-dieħla, fost żewġ għodod partikolari li se jiġu introdotti, għandek l-electronic tagging li se tkun tista’ tassisti vittmi ta’ vjolenza domestika u anke panic alarms li kif tagħfashom tkun tlabt l-assistenza qisek ċempilt 112 biex il-persuna li dak il-ħin ikollha bżonn l-assistenza tingħata l-assistenza malajr kemm jista’ jkun.”
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, Rebecca Buttigieg, qalet li l-prijorità ewlenija ta’ din l-istrateġija hi t-tisħiħ tas-servizzi varji li joffru għajnuna professjonali lill-vittmi tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika u qed tkompli ma’ diversi kampanji fosthom dik “Break the Silence”.
Qalet, “Din hi ħidma kollettiva li ma ssirx biss mis-Segretarjat, li jiena responsabbli minnu, iżda mill-Gvern sħiħ, għax fl-aħħar mill-aħħar l-vjolenza domestika u l-ġlieda kontra din il-pjaga soċjali hi fuq nett tal-aġenda tagħna bħala Gvern. Għaldaqstant din l-strateġija se twettaq ’il quddiem numru ta’ riformi, fosthom il-fatt li se jkun hemm aktar kordinament bejn l-entitajiet biex noffru servizz aktar effiċjenti għall-vittmi tal-vjolenza domestika.”
Il-Kummissarju dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika, Samantha Pace Gasan, spjegat li din l-istrateġija tfasslet b’konsultazzjoni mal-istakeholders u hi msejsa fuq il-Konvenzjoni ta’ Istanbul għall-eliminazzjoni tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika u tkompli tibni fuq iż-żewġ strateġiji li saru qabel.
Qalet, “L-istrateġija hi bbażata fuq il-konvenzjoni ta’ Istanbul, jiġifieri l-pilastri jirriflettu dak li tgħid l-konvenzjoni, li hi l-konvenzjoni kontra l-vjolenza fuq in-nisa tal-Kunsill tal-Ewropa. Fost il-pilastri għandek li nsaħħu l-liġi u l-element ta’ policies biex anke jkun hemm politiki aktar integrati, għandek l-element ta’ prevenzjoni, il-protezzjoni u s-sapport u anke l-prosekuzzjoni.”
Mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela, li wkoll indirizzat it-tnedija tal-istrateġija, għarfet kif l-istrateġija nazzjonali trid tagħmel lil Malta mudell li japplika l-Konvenzjoni ta’ Istanbul.
Dr Abela sostniet li l-attitudni tagħna lkoll trid tkun li mmiddu għonqna għal iżjed xogħol u għarfet l-impenn u r-rieda qawwija biex jiġu indirizzati r-realtajiet marbutin mal-vjolenza domestika.
Qalet, “Illum kienet ġurnata importanti fejn ġiet imnedija l-istrateġija nazzjonali kontra l-vjolenza domestika u l-vjolenza abbazi tal-ġeneru, iżda tibqa’ ġurnata importanti biss jekk dak li hemm miktub ma jibqax biss fuq il-karta, imma jiġi implimentat. Li spikkat minn din l-istrateġija kien l-investiment fil-professjonisti li jaħdmu f’dan is-settur, li huma l-katalisti biex din l-istrateġija tiġi implimentata.”