Ġiet ippreżentata strateġija li tistabbilixxi l-viżjoni u l-għanijiet tal-Kunsill Malti għall-Arti għas-snin li ġejjin.
L-iStrateġija 2025 tistipula tliet temi maġġuri: Isma’, Oħloq, Imraħ. Dawn iservu bħala pont għall-oqsma fundamentali tal-Kunsill.
F’konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-kampus tal-Università fil-Belt Valletta, ġie spjegat li parteċipazzjoni aktar wiesgħa fl-arti u l-kultura permezz ta’ din l-istrateġija se twassal għal aktar innovazzjoni, involviment kulturali, legat artistiku, ċittadinanza attiva, u t-tisħiħ ġenerali tal-benesseri.
Id-Direttur għall-Fondi u l-Istrateġija fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti, Mary Ann Cauchi, spjegat li l-għan ewlieni ta’ dan kollu huwa li l-arti għandha tkun fil-qalba tal-futur ta’ Malta.
Qalet, “‘Isma, oħloq, imraħ’ huma t-tliet temi li se nkunu qed… hija l-mantra tal-Kunsill Malti għall-Arti għal dawn is-snin li ġejjin. Fil-fatt, l-istrateġija 2025 magħha għandha marbut id-dritt għall-kultura, primarjament, l-ewwel u qabel kollox.”
Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall, qal li din l-istrateġija tipprovdi opportunitajiet immexxija mill-komunità biex in-nies ikunu jistgħu jipparteċipaw fl-arti u l-kultura.
Qal, “L-ankra strateġika tal-Kunsill hija, bħalma dejjem kienet – għaliex aħna ninsistu għalhekk -hija li l-artist noħolqulu opportunitajiet ġodda u dawn jinkludu li ninternazzjonalizzaw il-kapaċitajiet tiegħu jew tagħha, li lokalment aħna niftħu orizzonti ġodda u trid tħares lejn il-ġejjieni.”
Preżenti kien hemm ukol il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, li qal li din it-tnedija se ġġib fis-seħħ waħda mill-akbar strumenti li se tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Politika Nazzjonali Kulturali 2021.