Il-Gvern nieda għall-konsultazzjoni pubblika l-Istrateġija Nazzjonali għall-Iżvilupp Sostenibbli 2050, bil-għan li tistabbilixxi l-prijoritajiet u l-għanijiet ta’ pajjiżna għall-integrazzjoni tal-iżvilupp sostenibbli sas-sena 2050.
F’konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċentru Nazzjonali għall-Konservazzjoni tal-Ilma, Għajn, ġew spjegati l-punti saljenti ta’ din l-istrateġija, li hija msejsa fuq ħames pilastri differenti.
Is-Sur George Said, li huwa d-Direttur tad-Direttorat tal-Iżvilupp Sostenibbli, elenka l-ħames għanijiet strateġiċi prinċipali.
Qal, “Dawn il-prinċipji jvarjaw mill-ekonomija ħadra, l-ekonomija l-blu, u jiffukaw ukoll fuq is-saħħa u l-benesseri tagħna l-Maltin. Jiffukaw ukoll fuq l-ekonomija reżiljenti kif ukoll fuq l-ekonomija diġitali.”
L-istrateġija tfasslet mid-Direttorat għall-Iżvilupp Sostenibbli fi ħdan l-istess Ministeru wara konsultazzjoni estensiva mal-ministeri, entitajiet u dipartiment governattivi, kif ukoll diversi għaqdiet volontarji u partijiet interessati.
George Said spjega wkoll kif il-pubbliku jista’ jikkontribwixxi f’din il-konsultazzjoni pubblika.
Qal, “Din il-konsultazzjoni se tkun miftuħa sad-9 ta’ Frar. Għalhekk, inħeġġeġ lill-pubbliku biex jidħol fuq sustainabledevelopment.gov.mt u hemmhekk jagħmel il-kummenti tiegħu biex aħna nkunu nistgħu nanalizzawhom u, ovvjament, noħorġu bl-abbozz finali għaliex huwa dokument li jattira lil kulħadd.”
Min naħa tagħha, il-Ministru Miriam Dalli spjegat kif din l-istrateġija qed tkompli tibni fuq l-impenn li diġà għamel il-Gvern fir-rigward tal-iżvilupp sostenibbli matul is-snin, kif ukoll fil-manifest elettorali.
Hija saħqet dwar il-bżonn ta’ impenn kollettiv, kemm mill-entitajiet kollha konċernati u anke mis-soċjetà biex jintlaħqu l-miri ekonomiċi, soċjali u ambjentali ta’ din l-istrateġija.
Qalet, “Għalhekk li qed nagħmlu l-konsultazzjoni pubblika, għax irridu li nisimgħu mingħand in-nies x’inhuma l-affarijiet li jriduna nindirizzaw b’mod immedjat u, forsi, fuq tul ta’ żmien. Wara kollox x’inhi l-Malta li huma qed jaraw għas-sena 2050 u kif nistgħu ngħinuhom ikollhom kwalità ta’ ħajja aħjar.”