Tnediet l-iskema ta’ rifużjoni tad-depożiti mħallsa minn koppji li kienu se jiżżewġu u kellhom jipposponu t-tieġ minħabba l-pandemija.
L-investiment ta’ żewġ miljun ewro, parti mill-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika, ser jolqot lil dawk il-koppji li kienu se jiżżewġu bejn it-8 ta’ Marzu u l-aħħar ta’ Settembru li għadda.
F’sala rinomata għaċ-ċelebrazzjonijiet tat-tiġijiet fil-Buskett, il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri saħaq li dawn il-koppji li kienu se jiżżewġu jew jingħaqdu f’unjoni ċivili, jistgħu jgawdu sa massimu ta’ elfejn ewro.
Il-Ministru Schembri sostna, “Bħala Gvern ridna naraw li naħsbu f’kulħadd u meta nedejna l-pjan ta’ riġenerazzjoni semmejna din il-miżura u allokajna s-somma ta’ żewġ miljun ewro sabiex dawk il-koppji li jkuni ppostponu t-tieġ tagħhom u tilfu d-depożitu jkunu jistgħu jibbenefikaw sa’ elfejn ewro f’għotja refund lill-istess koppja kemm jista’ jkunu ngħinuhom ħalli s-sagrifiċju li jkunu qed jagħmlu intaffuh.”
Fost l-oħrajn ir-rifużjoni se tkun applikata għal servizzi relati ma’ lbies tat-tieġ, kiri ta’ karozzi, fjuri u arranġamenti oħra, dawl u mużika u servizz ta’ kor jew kant.
Fis-sala tal-Buskett kien hemm evidenti l-prekawzjonijiet li qed jittieħdu f’ċelebrazzjonijiet simili, fosthom id-distanzi bejn l-imwejjed u s-siġġijiet u t-tqassim tal-ikel u x-xorb fuq dawn l-imwejjed.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Schembri qal li l-applikazzjoni tista’ tiġi ssottomettata sa mhux aktar minn sitt xhur wara li jkun seħħ it-tieġ fl-Uffiċju tal-Kummissarju tat-Taxxa.
Il-koppja trid tippreżenta dokumenti validi, bħal irċevuti, fosthom mingħand dawk li provdew is-servizz li jridu jikkonfermaw bil-miktub li tassew żammew id-depożitu.