Tnediet l-Iskema ta’ Restawr għall-Kunsilli Lokali u Ċentri Amministrattivi Għawdxin.
Din l-iskema tippermetti lill-Kunsilli Lokali u Ċentri Amministrattivi Għawdxin sabiex jidentifikaw u jipproponu restawr ta’ binjiet żgħar jew monumenti immobbli oħra li jeħtieġu preservazzjoni. Dawn jinkludu fost l-oħrajn statwi, niċeċ u monumenti storiċi oħra, kif ukoll strutturi u siti storiċi oħra, li għandhom valur storiku, arkitettoniku u artistiku.
“Din is-sena ġie deċiż li nwessgħu l-iskema aktar sabiex nilħqu aspetti usa’ tal-karattru distint Għawdxi. Kien għalhekk li ma’ din l-iskema, apparti dawk l-elementi tal-karattru urban Għawdxi qed inżidu wkoll l-isqaqien. Element ieħor li hu parti integrali mit-tessut urban t’Għawdex speċjalment fil-qalba tal-belt jew l-irħula tagħna,” stqarr il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri li nieda din l-iskema.
Din l-iskema, amministrata mid-Direttorat Eko-Għawdex fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar ser tassisti lil dawn l-entitajiet iwettqu l-interventi permezz ta’ għotja finanzjarja, sa massimu ta’ 85% tal-ispejjeż marbuta mat-twettiq ta’ dan il-proġett.
F’każijiet fejn l-intervent ser ikun restawr fuq niċeċ, statwi jew monumenti storiċi oħra, l-iskema ser tkopri sa’ massimu ta’ €15,000. Fil-każ fejn ser jiġu riġenerati sqaqien, fejn l-interventi jridu jilħqu diversi kriterji fosthom l-użu ta’ materjal sostenibbli u li jirrispetta l-karattru, kif ukoll miżuri li jħarsu l-ambjent, l-għajnuna titla’ sa massimu ta’ €75,000.
“Din l-iskema hija wegħda elettorali oħra imwettqa minn dan il-Gvern. Din hi konferma oħra li dak li nwiegħdu nwettquh. Din hija ukoll miżura li hi inkluża fl-Istrateġija għall-Iżvilupp Reġjonali ta’ Għawdex,” fakkar il-Ministru Camilleri.
Il-Ministru Clint Camilleri temm billi ħeġġeġ lill-Kunsilli Lokali Għawdxin sabiex jieħdu din l-opportunità u jissottomettu l-applikazzjonijiet tagħhom biex huma wkoll ikunu parti minn din il-mixja bil-għan li jsaħħu, jipproteġu u jikkonsolidaw il-wirt tanġibbli li ħallew missirijietna.
L-iskema hija amministrata u esegwita mid-Direttorat Eko-Għawdex mill-fażi inizjali tal-ippjanar sal-ħarsien tal-implimentazzjoni tal-proġett propost. Il-proġetti magħżula għandhom jitwettqu matul iż-żmien li ġej fejn il-massimu permissibbli tal-implimentazzjoni hija s-sena 2026.
Il-Kunsilli Lokali u ċ-Ċentri Amministrattivi li huma eliġibbli għal din l-iskema għandhom sa nhar il-Ġimgħa, 3 ta’ Mejju 2024 biex jissottomettu l-proposti tagħhom.