Għaqdiet volontarji li jaħdmu u jwettqu inizjattivi b’risq il-komunità Għawdxija se jkunu qed igawdu minn skema b’investiment ta’ mija u għoxrin elf ewro, li jfisser żieda ta’ għoxrin fil-mija fuq is-sena li għaddiet.
Ħabbar dan il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri f’konferenza tal-aħbarijiet fejn spjega kif l-għan wara din l-iskema hu li jissaħħu oqsma soċjali, kulturali u ekoloġiċi f’Għawdex. Spjega kif se jkunu bosta ta’ voluntiera Għawdxin li jgawdu minn din l-iskema.
Spjega kif, “Dan qed nagħmluh sabiex inkomplu nsostnu lill-ngos u lill-volontarjat fil-gżira ta’ għawdex anke f’dan iż-żmien li huwa pjuttost diffiċli b’mod speċjali meta l-ngos tagħna huma ristretti milli jagħmlu attivitajiet li proprju jkunu jistgħu jagħmlu l-fundraising bih. Għaldaqstant, il-gvern iħoss li hu obbligat li jgħin lill-ngos tagħna sabiex ikunu jistgħu jibqgħu għaddejjin bil-ħidma importanti tagħhom.”
Waqt l-istess attività, għaxar għaqdiet volontarji ngħataw l-allokazzjoni finanzjarja li bbenefikaw għaliha fl-iskema tas-sena li għaddiet, fejn bil-fondi li se jgawdu minnhom se jkunu jistgħu jwettqu l-inizjattivi tagħhom din is-sena.
L-għaqdiet volontarji li gawdew huma Gozo SPCA, Ta’ Ċangura Folk Group San Lawrenz, l-Oratorju Don Bosco, Malta Cadets Corps, The Eden and Razzett – Inspire, Għaqda Ħbieb tal-Presepju Għawdex Malta – Sezzjoni Għajnsielem, il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija, Soċjetà Mużikali Santa Margerita, Happy Parenting – Malta u l-Għaqda Mużikali San Girgor – Ta’ Kerċem.
Ritratti: (MGOZ)