Is-Segretarju Parlamentari għall-Ekonomija Diġitali, Silvio Schembri, nieda l-iskema B SECURE għall-Intrapriżi Maltin, skema b’investiment ta’ €250,000 mill-Gvern lejn is-settur privat biex itejjeb l-istrutturi diġitali tal-kumpanija biex ikun aktar sigur minn attakki diġitali.
Kull erbatax-il sekonda, kumpanija minn madwar id-dinja tiġi attakkata b’mod diġtiali. L-attakki diġitali huma realtà li l-intrapriżi qed jaffaċjjaw, anke intrapriżi Maltin. Minkejja dan mhux kull kumpanija tinvesti f’mezzi ta’ sigurtà minn dawn l-attakki.
Kien għalhekk li l-Gvern wasal biex iniedi din l-iskema, li permezz tagħha kumpaniji jistgħu japplikaw għall-assistenza biex jevalwaw l-assi diġitali tagħhom għal ma’ attakki eletroniċi, kif ukoll biex itejbu l-edukazzjoni dwar is-Sigurtà online tal-impjegati tagħhom, permezz ta’ taħriġ li jwassal lill-parteċipanti biex ikollhom kwalifiki rikonoxxuti minn madwar id-dinja fis-settur tas-sigurtà diġitali. Is-Segretajru Parlamentari Schembri spjega kif il-kumpaniji se jibbenefikaw minn din l-iskema.
Skont stħarriġ li wettqet il-MITA b’rabta ma’ dan is-suġġett irriżulta li fl-2018 40% tal-intrapriżi Maltin kienu affettwati direttament minn attakk diġitali. L-istess stħarriġ jixhed kif il-maġġoranza tal-intrapriżi li ħadu sehem f’dan l-istħarriġ qablu li huwa importanti li jsir assessjar dwar ir-riskju tal-kumpanija biex tkun aktar sigura għal attakki eletroniċi.
Iċ-Chariman Eżekuttiv tal-MITA spejgalna kif kull kumpanija, kbira jew żgħira hija suġġetta għall-attakki diġitali. L-iskema B SECURE li ġiet imnedija mis-Segretarjat għall-Ekonomija Diġitali bil-kollaborazzjoni tal-MITA u l-Kamra tal-Kummerċ se tiftaħ fl-aħħar xhur ta’ din is-sena bis-servizzi ta’ din l-iskema se jkunu offruti fl-2020.