Ġiet imnedija l-inizjattiva ‘Żomm Tarmix’ mill-Aġenzija Maltija tal-Ikel, li l-għan ewlieni tagħha huwa li jitnaqqas il-ħela tal-ikel.
Din tnediet it-Tnejn filgħodu, waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Prim Ministru Robert Abela.
Dr Abela fisser din l-inizjattiva li hi favur il-ġustizzja soċjali fejn ngħinu lin-nies jgħixu tajjeb u f’saħħithom u l-prinċipju tas-sostennibbiltà billi jkun assigurat l-aqwa użu tar-riżorsi tagħna b’enfasi favur l-ambjent.
L-inizjattiva mħabbra se tkun fuq qafas diġitali tarmix.gov.mt fejn l-Aġenzija Maltija tal-Ikel se ġġib flimkien negozji li jagħtu donazzjoni tal-ikel li jkun qrib skadenza u dan jingħata lill-għaqdiet volontarji. B’dan il-qafas se titjieb l-effiċjenza, tiżdied it-trasparenza u tonqos il-ħela tal-ikel. Il-benefatturi, li huma n-negozji, se jkunu jistgħu jikkwalifikaw għal inċentivi fit-tnaqqis fit-taxxa.
Il-pjattaforma diġitali se tipprovdi mekkaniżmu trasparenti u effiċjenti, anki permezz tal-intelliġenza artifiċjali, biex id-distribuzzjoni tal-ikel isseħħ b’mod effettiv, u biex jiġi żgurat li l-għajnuna tasal għand dawk li verament għandhom bżonnha. L-organizzazzjonijiet volontarji jistgħu jirreġistraw permezz ta’ e-ID biex jiġi żgurat li l-proċess ikun sigur u li l-għajnuna tilħaq lil dawk l-aktar fil-bżonn.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li apparti l-għan ewlieni ta’ din l-inizjattiva kontra l-ħela tal-ikel, hemm miri oħra fosthom li nilħqu aktar nies bit-tqassim tal-ikel minn għaqdiet volontarji u anki bil-bejgħ ta’ prodotti tal-ikel bi prezz ridott. Semma wkoll il-fatt li b’din l-inizjattiva se jiġu premjati n-negozji parteċipi li ma jinteressahomx biss mill-profitti li jagħmlu iżda jagħrfu li għandhom ukoll ir-rwol soċjali.
Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Agrikoltura Anton Refalo. Il-Ministru Refalo saħaq li l-Gvern qed jieħu azzjoni konkreta u fl-istess ħin jsaħħaħ il-ġustizzja soċjali, kif ġie mwiegħed fil-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’.
Il-Ministru Refalo spjega li terz tal-ikel li jinxtara jispiċċa jintrema u jinħela.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Maltija tal-Ikel Brian Vella qal li din l-inizjattiva se ġġib bidla fil-mentalità, bl-ikel bħala riżorsa u li tgħaqqad il-komunità aktar flimkien.
Waqt it-tnedija ta’ din l-inizjattiva ġie ffirmat ftehim dwar din l-iskema bejn l-Aġenzija Maltija tal-Ikel, imsieħba soċjali u għaqdiet volontarji.
Preżenti wkoll kien hemm is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said.