Għat-tielet sena konsekuttiva tnediet l-inizjattiva Rigal bi Mħabba minn mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela, u Giorgia Mae.
Dan sar waqt konferenza tal-aħbarijiet il-Ħamis filgħaxija fi Pjazza Kastilja, fejn inxtegħlet ukoll is-siġra tal-Milied għal żmien il-festi.
Waqt din il-konferenza, mart il-Prim Ministru appellat biex, mit-12 ta’ Diċembru, minn kmieni filgħodu, familji u individwi li jkunu qed jixtru r-rigali, jinvestu f’rigal ieħor u jħalluh taħt l-istess siġra tal-Milied fi Pjazza Kastilja.
“Jistgħu jagħmlu dan mit-12 ta’ Diċembru sal-21 ta’ Diċembru. Kif ferraħna lit-tfal fis-sentejn preċedenti jiena konvinta li, bil-ġenerożità tal-Maltin u l-Għawdxin kollha, se nkunu qed nerġgħu nferrħu ħafna tfal Maltin u Għawdxin.”
Mart il-Prim Ministru, Lydia Abela
Dr Lydia Abela ħabbret ukoll li l-inizjattiva ta’ din is-sena hija waħda b’differenza, u ħabbret li grazzi għall-kunsilli lokali ta’ Malta u Għawdex se jkun hemm il-possibbiltà li l-pubbliku jħalli r-rigali fil-lokalità rispettiva biex aktar tard, imbagħad, dawn jinġiebu fi Pjazza Kastilja lejliet li tingħalaq l-edizzjoni ta’ din is-sena.
Dr Lydia Abela spjegat ukoll li l-aħħar ċans biex jinġiebu r-rigali se jkun fil-21 ta’ Diċembru. Dakinhar filgħaxija se jkun qed isir spettaklu mill-isbaħ u tul il-ġurnata se jiġu organizzati attivitajiet fi Pjazza Kastilja permezz ta’ Villaġġ tal-Milied.
Dawn fost oħrajn se jinkludu spettaklu ta’ mużika u kunċert mill-banda tal-Forzi Armati.
Mart il-Prim Ministru rrimarkat ukoll l-iskop ewlieni ta’ din il-konferenza – dik li jiġi assigurat li f’pajjiżna ma nħallux tfal mingħajr il-ferħ ta’ rigal f’dawn il-jiem sbieħ tas-sena.
Fil-fatt, dawn ir-rigali li se jkunu qed jinġabru se jkunu qed jingħataw lil tfal li għandhom sa 12-il sena.
Dr Lydia Abela rringrazzjat ukoll lill-Forzi tal-Ordni kollha li fl-aħħar sentejn li fihom saret din l-inizjattiva għenu mill-bidu sal-aħħar fit-tqassim tar-rigali. Kien hawn li sostniet li l-Forzi tal-Ordi se jerġgħu jkunu qed jgħinu u japparteċipaw mill-ġdid fl-edizzjoni ta’ din is-sena.