Malta qed issir ġurisdizzjoni favorita tal-avjazzjoni fl-Ewropa b’numru ta’ kumpaniji tal-linji tal-ajru rreġistrati f’Malta.
Jonathan Dalli, wieħed mill-fundaturi tal-MACE fisser kif ir-reġistru tal-ajruplani qabeż it-tliet mitt ajruplan.
Dalli spjega li “L-iskop hu li nagħqdu taħt saqaf wieħed industry leaders, policy makers, u nies mis-settur privat ukoll ħalli kemm jista’ jkun wieħed jista’ sharing of best practices però iktar minn hekk anki jiddiskuti innovazzjoni fl-industrija u kif wieħed jista’ jgħin lill-ieħor fuq din l-industrija partikolari.”
Dalli kien qed jitkellem fl-isfond ta’ konferenza kbira dwar l-avjazzjoni li se tiġi organizzata f’pajjiżna bejn it-30 ta’ Ottubru u l-1 ta’ Novembru.
Din il-konferenza għandha l-għan li toħloq ambjent ta’ kollaborazzjoni u kooperazzjoni għall-industrija tal-avjazzjoni biex dan is-settur ikompli jimxi ‘l quddiem f’pajjiżna.
B’iżjed minn 130 parteċipant, din il-konferenza hija l-ikbar waħda li qatt saret f’pajjiżna, u se tinkludi dawk li jfasslu l-politika, l-operaturi, professjonisti, konsulenti legali u regolatorji fost oħrajn.
Intant il-Kaptan Charles Pace, direttur ġenerali tal-avjazzjoni ċivili, fisser kif ir-reġistru tal-avjazzjoni lokali qed jikber kuljum. Tant li pajjiżna prattikament laħaq il-miri f’dan ir-rigward għal din is-sena.
Pace stqarr: “L-ewwel xahrejn tas-sena d-dieħla inkunu ferm ikbar minn 400. Ħa nkunu qbiżna l-mira sewwa. Bħala kumpaniji għandna 37 bħalissa, l-mira hija ta’ 40. Nista’ ngħidlek li bħalissa bdejna review ta’ tlieta minnhom, għandna interess minn ħafna kumpaniji oħrajn, fil-fatt anka l-bieraħ stess kellna delegazzjoni minn kumpanija kbira li tixtieq anzi kważi tinsab deċiża li tibda l-proċess magħna.”
Il-Ministru responsabbli mit-Trasport Ian Borg qal li l-Gvern għandu viżjoni għall-avjazzjoni, fosthom li jiżdiedu s-servizzi li pajjiżna joffri biex Malta ssir verament ċentru ta’ eċċellenza għall-avjazzjoni u sabiex pajjiżna jkompli joffri opportunitajiet ġodda ta’ impjiegi.