Il-Ħamis filgħodu tnediet il-ħames edizzjoni tal-konferenza nazzjonali ‘L-Istat tan-Nazzjon’ taħt il-patronċinju tal-Uffiċċju tal-President.
Din l-edizzjoni tal-konferenza mtella’ mill-Professur u statistiku Vincent Marmarà u Lou Bondi se tkun qed tiffoka partikolarment fuq l-edukazzjoni.
Fl-isfond tal-bidliet soċjali, li għaddej minnhom pajjiżna, bħat-tekonoloġija u l-fenomenu tal-globalizzazzjoni, din il-konferenza hi ntiża li tagħti stampa aħjar ta’ fejn jinsab l-Istat Malti.
L-organizzatur Lou Bondi spjega kif l-għan primarju tal-konferenza hu li, permezz tagħha, il-pajjiż jimraħ fuq djalogu nazzjonali.

“Importanti għax bid-djalogu biss inti tista’ tasal għal konklużjonijiet li jkunu jirrappreżentaw dak li aħna qegħdin nipprovaw nanalizzaw f’din il-konferenza u dan is-sondaġġ, li hija: aħna min aħna?”
Organizzatur, Lou Bondi

Il-Professur Marmarà nnota l-ħsieb wara l-inklużjoni ta’ stħarriġ xjentifiku biex itellaq din il-konferenza għal darb’oħra.
“Stħarriġ xjentifiku, għax aħna dejjem emminna li, qabel nibdew diskussjoni dwar l-istat tal-poplu, l-ewwel il-poplu jrid isemma’ leħnu. L-ewwel irid li nibdew minn li nifhmu min qed jinfluwenza, min qed jaffettwa lill-poplu.”
Prof. VIncent Marmara’, Organizzatur
Min-naħa tagħha, il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono spjegat għaliex inħasset il-ħtieġa li tkompli b’dan il-proġett.
“Kien hemm fost il-mexxejja u meta jiena ngħid mexxejja ma nirreferix biss għall-mexxejja politiċi, imma għal mexxejja wkoll fiż-żoni tal-investiment, manifattura, it-trejdunjins, li qaluli isma’ din tajba. Ejja nkompluha għax tagħtina stampa ta’ fejn qed jonfoħ ir-riħ tal-popolazzjoni tagħna, għalxiex tkun qed taspira.”
Il-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono
Il-konferenza ta’ ‘L-Istat tal-Nazzjon’ se tkun qed tittella’ nhar is-6 ta’ Ġunju li ġej fil-Palazz Verdala fir-Rabat.