Tnieda l-ħames edizzjoni tal-festival ‘Science in the Citadel’ li se jittella’ fiċ-Ċittadella nhar il-Ħadd 28 ta’ April, bejn l-10am u s-6pm.
Dan il-festival mingħajr ħlas u mmirat għall-familja kollha, stabbilixxa ruħu bħala avveniment annwali fil-kalendarju ta’ attivitajiet organizzati mill-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar li bħal avvenimenti oħra qiegħed jattira għadd kbir ta’ viżitaturi lejn iċ-Ċittadella sabiex jipparteċipaw f’dan il-festival tax-xjenza u t-teknoloġija.
Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri tenna kif attivitajiet bħal dawn iqarrbuna iktar lejn id-dinja teknoloġika u xjentifika li issa, aktar minn qatt qabel, huma ta’ importanza fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.
Il-viżitaturi se jkunu jistgħu jipparteċipaw f’esebizzjonijiet interattivi u dimostrazzjonijiet li juru l-aħħar riċerka xjentifika u innovazzjonijiet teknoloġiċi.
L-avveniment li qiegħed jilqa’ fih parteċipanti minn kull sfera tax-xjenza ser ikun qiegħed joffri wkoll workshops, treasure hunt b’laqta xjentifika u kulturali, laqgħat ma’ riċerkaturi u esperti tal-industrija.
Il-Ministru Clint Camilleri temm billi ħeġġeġ lil kulħadd biex għal sena oħra jattendi għal dan il-festival tant popolari tax-xjenza u t-teknoloġija.
Qal, “Ser tkun opportunitá oħra sabiex il-familji tagħna jgawdu dan il-wirt storiku permezz ta’ attivitajiet li propju jsiru hawnhekk ġewwa ċ-Ċittadella u għaldaqstant inħeġġeġ lil kulħadd biex fit-28 ta’ April, iżommu din id-data wkoll, jiġu Għawdex u jieħdu gost propju minn ġewwa s-swar taċ-Ċittadella.”
‘Science in the Citadel’ huwa organizzat mid-Direttorat ta’ EkoGħawdex fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar.