Illum il-Kunsill Reġjonali tan-Nofsinhar nieda l-ħames edizzjoni tal-attività Festa Nar. Din l-attività hija popolari ħafna fost il-Maltin u t-turisti u din is-sena se tinfirex, għall-ewwel darba, fuq jumejn. Illejla l-10 ta’ Mejju se ssir f’Birżebbuġa mid-9:00pm sal-11:30pm u għada l-11 ta’ Mejju fl-Imqabba mid-9:00pm sal-11:30pm. F’kull ġurnata se jieħdu sehem 11-il kamra tan-nar.
“Il-fatt li l-5 edizzjoni ta’ Festa Nar hija – għall-ewwel darba – fuq jumejn turi kif din l-inizjattiva hija verament ta’ suċċess. Dan huwa riżultat ieħor tal-istrateġija tagħna, li timmira li tiżgura aktar aċċessibbiltà fis-settur kulturali, li għandu kalendarju kulturali li jilħaq lil kulħadd,” qal il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici.
Is-Segretaraju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis qal li dan ir-Reġjun qiegħed jagħti wkoll is-sehem attiv tiegħu fit-tisħiħ turistiku u fiż-żamma tat-tradizzjonijiet kulturali ta’ pajjiżna biex dawn jiġu mgħoddija mhux biss lill-ġenerazzjoni tal-lum, imma wkoll lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna u b’hekk ma jintilfux.
Parnis sostna wkoll li l-Gvern preżenti jemmen b’mod sħiħ fil-Kunsilli Reġjonali u fil-fatt din is-sena se jingħataw għall-ewwel darba allokazzjoni diretta li tammonta għal aktar minn €3 miljun. Barra minn hekk bis-saħħa tar-riforma fil-Gvern Lokali se naraw bidla radikali fi ħdanhom.