Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji u l-Ekonomija Diġitali Clayton Bartolo kienu preżenti għat-tnedija tal-Olimpjadi Robotiċi ta’ Malta 2020, li qed jiċċelebraw l-għaxar anniversarju mit-twaqqif ta’ dan l-avveniment. L-Olimpjadi Robotiċi ta’ Malta hu l-ikbar avveniment relatat ma’ teknoloġija li jattira lejh madwar 14,000 persuna kull sena.
Waqt it-tnedija, il-Ministru Owen Bonnici qal li “avvenimenti bħal dawn jgħinu biex tissaħħaħ ir-rabta bejn l-industrija tat-teknoloġija u l-edukazzjoni fejn qed naraw b’eżempji ċari li hemm persuni li huma kapaċi jikkreaw oġġetti ġodda kif ukoll soluzzjonijiet li s-suq u l-ekonomija għandhom bżonn.” L-Olimpjadi Robotiċi ta’ Malta llum il-ġurnata saru ferm iżjed minn kompetizzjoni li tgħaqqad flimkien: robotika, teknoloġija, disinn, eletroniċi tal-konsumatur, karrieri u total ta’ 6 avvenimenti kbar kollha taħt l-istess saqaf.
L-Olimpjadi Robotiċi ta’ Malta hu avveniment bla profitt li baqa’ jikber tul is-snin hekk kif fl-edizzjoni tal-2020 qed naraw kontinwazzjoni fuq l-avveniment tas-sena li għaddiet. Il-mira prinċipali tiegħu hi li jiġu preżentati modi ta’ avvanzi teknoloġiċi bl-oġġettiv ikun li titneħħa l-astrazzjoni mit-teknoloġija tal-futur.
Is-Segretarju Parlamentari Clayton Bartolo qal li t-teknoloġija hi għodda b’saħħitha li tista’ ttejjeb l-edukazzjoni b’ħafna modi. L-għalliema, l-istudenti u l-ġenituri lkoll jistgħu jgawdu minn riżorsi ta’ tagħlim online, materjal ta’ tagħlim personalizzat u opportunitajiet għal tagħlim avvanzat. “Hu ta’ pjaċir għas-segretarjat parlamentari li jingħaqad mal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol sabiex jiżgura li t-tfal tagħna jkollhom l-isbaħ esperjenza ta’ tagħlim possibbli bl-użu tal-aqwa teknoloġiji.
Hu d-dover tagħna li nkomplu ninvestu fl-aħħar teknoloġiji sabiex niżguraw l-aqwa esperjenza ta’ tagħlim possibbli”, ikkonkluda s-Segretarju Parlamentari Bartolo.
L-Olimpjadi Robotiċi ta’ Malta hu l-ikbar avveniment ġo pajjiżna relatat mat-teknoloġija li hu organizzat mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol. Dan se jsir bejn is-27 u d-29 ta’ Marzu fl-MFCC Ta’ Qali u d-dħul hu b’xejn.
Iżjed dettalji jistgħu jinsabu fuq https://mromalta.com/