Għall-ewwel darba f’Malta għandna l-ewwel żona għall-għawm taż-żwiemel li tinsab f’Marsaxlokk.
Is-Segretarju Parlamentari għad-drittijiet tal-Annimali, Clint Camilleri qal li sa mill-bidu nett tal-leġislatura dan il-Gvern ħadem qatigħ biex itejjeb is-settur tad-drittijiet tal-annimali u spjega kif din kienet waħda mill-wegħdi elettorali li saret qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet li issa qed titwettaq.
Huwa stqarr li dan huwa pass importanti ħafna fejn jidħol it-trattament xieraq tal-annimali fejn il-Gvern dejjem qed jimbotta biex l-annimali jkollhom ħajja u dinjità aħjar.
Din l-inizjattiva tingħaqad ma’ oħrajn li qed ikomplu jingħataw lill-għaqdiet mhux governattivi, fosthom għotjiet lil dawk l-għaqdiet li jgħinu fl-adozzjonijiet tal-annimali kif ukoll żieda fl-allokazzjoni ta’ fondi magħruf bħala l-Animal Welfare Fund, liema applikazzjonijiet reġgħu fetħu għat-tieni darba ftit tal-ġimgħat ilu.