Il-Grupp Gasan Zammit, permezz tal-kumpanija tal-inġinerija tagħha Mekanika, nieda l-ewwel ultra-fast charging station f’pajjiżna fis-Central Business District fl-Imrieħel, waqt li bosta oħrajn mistennija jkunu disponibbli madwar il-pajjiż dalwaqt.
Dan tħabbar waqt attività fix-showroom ta’ Gasan Zammit fl-Imrieħel stess.
Il-Grupp qal li dawn il-fast charging stations, fejn se jkunu jistgħu jitqabbdu erba’ vetturi f’daqqa kull ħin, huma parti mill-impenn tal-kumpanija li tgħin fil-qalba ambjentali tal-pajjiż u tħeġġeġ biex aktar persuni jaqilbu għal vettura elettrika.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Gasan Group, Mark Gasan, spjega kif ħassew il-ħtieġa li jsostnu l-infrastruttura lokali b’teknoloġija tal-ogħla kwalità li tiggarantixxi l-aktar għażla veloċi u sigura lis-sidien ta’ vetturi elettriċi.
Dan il-proġett qed isir b’kollaborazzjoni mal-kunsilli lokali li ntalbu jikkunsidraw postijiet effiċjenti fejn jistgħu isiru tali charging points fil-lokalitajiet tagħhom. Ingħad li s’issa diġà ġew approvati ’l fuq minn 300 sit.
Iċ-charging stations il-ġodda joffru l-fakultà li batterija ta’ karozza elettrika tiġi ċċarġjata sa 80% f’madwar nofs siegħa kollox.
Preżenti għal din it-tnedija kien hemm il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett, qal kif dan l-investiment se jħalli l-frott u, flimkien mal-grant ta’ €15-il miljun mill-Gvern din is-sena għal min jixtri karozza elettrika, għandu jħeġġeġ iżjed lill-pubbliku u lill-privat jagħmlu l-pass f’din il-qalba ambjentali.
L-investiment jidħol paripassu mal-viżjoni tal-Gvern li ovvjament it-trasport jiġi aktar nadif. U t-trasport jiġi aktar nadif billi jkollna aktar karozzi li jaħdmu bl-elettriku fit-triq u fil-fatt qegħdin mexjin tajjeb fuq il-miri li għandna mal-Unjoni Ewropea li jkollna 5,600 karozza fit-triq fi żmien erba’ snin bil-fondi wkoll li qegħdin noħorġu bl-iskemi li qegħdin nagħmlu, imma wkoll irid ikollna l-infrastruttura li biha tkun tista’ tiċċarġja dawn il-karozzi.
Il-Ministru Chris Bonett
Sadanittant fl-istess attività tal-Grupp GasanZammit Motors tħabbret il-kollaborazzjoni mal-kumpanija tat-trasport tal-passiġġieri Bolt fl-introduzzjoni f’pajjiżna tal-mudell E6 tal-vetturi BYD, li hu ddisinjat speċifikament għal dan it-tip ta’ servizz.