Waqt konferenza dwar il-futur tas-settur tal-avjazzjoni f’Malta, li fiha attendew rappreżentanti tal-industrija, esperti, u oħrajn mill-komunità kummerċjali, tnediet l-ewwel politika nazzjonali għas-settur tal-avjazzjoni.
Din il-politika ġiet finalizzata wara li diversi partijiet interessati taw il-kontribut tagħhom matul il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika li nbeda sentejn ilu.
Din il-politika hija msejsa fuq erbgħa u għoxrin objettiv, immirati biex jindirizzaw il-bżonnijiet tal-industrija, biex jiġi żgurat settur tal-avjazzjoni dejjem aktar effiċjenti.
Iċ-Chairperson tal-Kumitat Konsultattiv dwar l-Avjazzjoni, il-Perit Karmenu Vella, spjega li dawn l-objettivi se jwasslu għal titjib fir-riżorsi, bilanċ bejn il-benefiċċji soċjoekonomiċi, żvilupp ta’ niċeċ ġodda, tisħiħ fil-konnettività ma’ pajjiżi oħra u bejn Malta u Għawdex, u tisħiħ fid-Dipartiment tal-Avjazzjoni Ċivili.
Miżuri oħra għandhom jindirizzaw bżonnijiet aktar imminenti, fosthom l-infrastruttura neċessarja biex takkomoda l-bżonnijiet u t-talbiet tal-industrija, u pjan strateġiku biex pajjiżna jsir ċentru għal taħriġ relatat ma’ din l-industrija.
Qal, “Hemm erbgħa u għoxrin objective li jridu jiġu managed minn entitajiet tal-Gvern differenti. Għandek il-parti tat-turiżmu, għandek il-parti tal-airport, għandek il-parti tas-security, għandek il-parti tas-sostenibbiltà. L-importanti li jkun hemm koordinazzjoni sħiħa bejn l-entitajiet kollha.”
Il-Ministru responsabbli minn dan is-settur, Aaron Farrugia, tkellem dwar kif dan il-pjan strateġiku tal-Gvern ikompli jibni fuq proġetti oħra, bħal dak tar-riġenerazzjoni u l-estensjoni tal-airfield f’Għawdex u l-masterplan għaz-zona tal-ajruport.
Qal li din il-ħidma se tkompli twitti t-triq biex jiġu attirati lejn pajjiżna iktar intrapriżi u proġetti innovattivi, u saħaq fuq il-bżonn tar-riżors uman biex dan iseħħ.
Qal, “Il-pajjiż se jikber f’din l-industrija partikolari jekk ikollna workforce imħarrġa u lesta għal għada, u qegħdin naraw li jkollna din il-possibilità li pajjiżna jservi bħala training hub għar-reġjun biex jaqdi mhux biss il-bżonnijiet ta’ Malta imma wkoll ta’ pajjiżi oħra.”