Tnediet b’mod uffiċjali l-Koperattiva Maltija tal-Mogħoż u n-Nagħaġ, waqt il-ftuħ tal-Malta AgriFair 2024 mill-Ministru għall-Agrikoltura s-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo.
Din il-Koperattiva ġiet stabbilita fid-29 ta’ Jannar 2024 sabiex tirrapreżenta u tħares l-interessi tar-raħħala Maltin u Għawdxin membri tagħha u s-settur innifsu.
“Waqqafna din il-Koperattiva sabiex l-ewwel u qabel kollox nħarsu u niżguraw s-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali nnifishom. Kif xieraq din il-Koperattiva ser isservi bħala punt tar-referenza għal diskussjonijiet, pjattaforma għal kull tagħrif edukattiv u għajnuna meħtieġa fis-settur fuq livell nazzjonali. Barra minn hekk ser inkunu qiegħdin nagħmlu mezz sabiex nipprovdu servizzi effiċjenti u vijabbli lir-raħħala li jrabbu l-mogħoż u n-nagħaġ, għat-titjib ta’ l-operat, l-merħla u l-produzzjoni tagħhom sabiex ikunu iktar sostenibbli u kompettitivi” tenna Darryl Grech, President KMMN.
Għal aktar informazzjoni dwar din il-Koperattiva, wieħed jista’ jagħmel kuntatt mal-Koperattiva Maltija tal-Mogħoż u n-Nagħaġ (KMMN) billi tintbagħat email fuq kmmn.malta@gov.mt jew iċċemplu fuq 99476522.