Ġiet inawgurata l-ewwel esebizzjoni ta’ artist Malti fl-Ispazju Internazzjonali tal-Arti Kontemporanja ta’ Malta, MICAS, li nfetaħ fl-aħħar xhur, bi skultura tal-artisti rinomat Ray Pitrè, li miet f’Novembru li għadda.
Kien il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, li kixef din l-iskultura li ġiet pożizzjonata b’mod permanenti u prominenti fil-kampus bħala parti mill-kollezzjoni permanenti tal-MICAS.
Waqt din l-inawgurazzjoni, il-Ministru Bonnici indirizza lill-udjenza, li kienet tinkludi qraba tal-istess artist, li ma laħaqx ra l-aħħar xogħol tiegħu msemi ‘Figure In Rods’, jiġi esebit bħala parti mill-kollezzjoni ta’ dan il-mużew prominenti fil-Furjana, li qed jirċievi anke tifħir internazzjonali.
“Din mhix se tkun l-ewwel u l-aħħar esebizzjoni ta’ artist kontemporanju Malti, imma għandna ppreparat, kif diġ` tħabbar diversi drabi, ukoll installazzjonijiet oħra ta’ Maltin li se jiġu esebiti fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin, waqt li nżommu naturalment, il-missjoni tal-MICAS bħala Spazju Malti ta’ Arti Kontemporanja Internazzjonali. Jiena nemmen li l-ħidma li qed titwettaq hi waħda tajba mmens li qed tkompli tpoġġi l-MICAS fuq il-mappa internazzjonali.”
Il-ministru Owen Bonnici
Il-Ministru Bonnici qal li, bil-kapolavur finali tiegħu issa installat b’mod permanenti fil-MICAS, Pitrè inkarna l-ispirtu innovattiv u l-eċċellenza artistika li jixirqilhom għarfien internazzjonali.
Punt ieħor important tal-inawgurazzjoni kienet l-iżvilupp tal-programm ambizzjuż tal-MICAS, li dwaru l-Ministru Bonnici qal li se jiżgura li ġenerazzjonijiet kurrenti u futuri ta’ artisti Maltin isibu l-appoġġ, ir-rikonoxximent u l-pjattaforma internazzjonali li jixirqilhom.
L-esebizzjoni ġiet introdotta miċ-Chairperson Eżekuttiva tal-MICAS, Phyllis Muscat, kif ukoll id-Direttur Artistiku tal-MICAS, Edith Devaney.
Muscat qalet li hu tabilħaqq ta’ unur li jsiru l-kustodji tax-xogħol finali ta’ Ray Pitrè, f’dan l-istadju bikri tal-missjoni tal-MICAS biex iġib l-arti kontemporanja internazzjonali f’Malta, iżda wkoll li l-arti kontemporanja Maltija tintwera lill-bqija tad-dinja.
“Din għandha sinifikat importanti ħafna għall-MICAS, fil-programm artistiku tagħna, għax aħna bħala MICAS il-viżjoni tagħna hi li l-MICAS iservi ta’ pjattaforma għall-arti kontemporanja għall-artisti kemm Maltin u kemm internazzjoniali. Ray Pitre hu l-ewwel artist Malti li ħa nagħmlu esebizzjoni tiegħu, għandna l-iskultura tiegħu. ‘Figure in Rods’ li qegħdin naraw bħalissa u għandna wkoll esebizzjoni fil-gallariji ġewwa ta’ xogħlijiet oħrajn tiegħu.”
Phyliss Muscat, Chairperson Eżekuttiva, Micas
Il-viżitaturi, li jħallsu biex jidħlu fil-MICAS, għandhom ukoll aċċess għall-esebizzjoni tal-artista famuża Joana Vasconcelos u xogħlijiet oħrajn ta’ Conrad Shawcross u Ugo Rondinone.