Tnediet l-ewwel edizzjoni tal-‘Excellence in Construction Awards’, inizjattiva li se tkun qed tirrikonoxxi lil dawk li jiddistingwu rwieħhom fis-servizzi li joffru fl-industrija importanti.
Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma fis-Settur tal-Kostruzzjoni, Jonathan Attard, kompla biex jirrikonoxxi l-impenn tal-kumpanija QP fl-inizjattiva li tkompli tippromwovi dak li, bħala ministeru qed jaħdmu għalih ta’ kuljum, flimkien mad-diversi entitajiet involuti … jiġifieri standards ogħla fis-settur.
Il-Ministru żied jgħid li l-Gvern hu kommess li jkompli joffri l-għodod kollha possibbli biex dawk ta’ rieda tajba jimirħu u jaħdmu f’qafas b’saħħtu li jippromwovi dan is-settur. Fl-istess waqt saħaq dwar ir-rispett lejn iċ-ċittadini u għalhekk għaddejja ħidma biex l-awtoritajiet jibqa’ jkollhom idejn sodi ma’ dawk li jibqgħu ma jimxux bi prattiċi tajbin.
Min-naħa tiegħu, il-Perit Nathan Vella mill-kumpanija QP ta deskrizzjoni dettaljata ta’ mnejn nibtet din l-idea u, fost l-oħrajn, kif tfasslu d-diversi kategoriji.
“Qed jiġu ppremjati kuntratturi u żviluppaturi f’diversi kategoriji minn sostenibilità għal saħħa u sigurtà fuq ix-xogħol u anke l-ħarsien tal-patrimonju kulturali. Ħa tkun miftuħa għal kuntratturi kbar u żgħar. Mhux qed inħarsu lejn l-iskala tal-kuntratturi u wkoll miftuħa għal kull dixxiplina tas-settur.”
Il-Perit Nathan Vella