Il-President Myriam Spiteri Debono nediet l-ewwel edizzjoni ta’ ‘The 10KM L-Istrina Palace Run’, inizjattiva ta’ ġbir ta’ fondi b’risq il-Malta Community Chest Fund, bil-għan li din tkompli tappoġġja l-missjoni tagħha biex tassisti lil individwi u familji vulnerabbli fis-soċjetà.
Waqt il-konferenza, li nediet l-attività għall-karità, ħadu sehem ukoll il-Maġġur Richard Vassallo, li ħareġ bl-inizjattiva, u Joseph Micallef, veteran fl-organizzazzjoni tal-maratoni f’Malta.
Kif jindika l-isem, din il-ġirja, li mistenni tibda ssir kull sena, se tinvolvi t-tliet Palazzi Presidenzjali, dak tal-Verdala fil-Buskett, ta’ San Anton f’Ħ’Attard u l-ieħor fil-Belt Valletta.
Kull sena, ir-rotta tal-ġirja ddur ma’ tnejn minn dawn is-siti storiċi, b’tir li tiċċelebra l-wirt kulturali Malti waqt li jinġabru fondi għal kawża ġusta.
L-ewwel edizzjoni ta’ din il-ġirja se ssir nhar il-Ħadd, 15 ta’ Ġunju li ġej, bil-parteċipanti jibdew mill-ambjent pittoresk tal-Palazz Verdala u jgħaddu minn rotta panoramika ta’ 10 kilometri li tispiċċa fil-Palazz ta’ San Anton.
Ir-rotta ġiet iddisinjata bir-reqqa biex tkun veloċi u favorevoli u dan jagħmilha l-aktar ġirja ta’ 10 kilometri mgħaġġla fil-kalendarju tal-ġiri lokali. Għalhekk hi ideali kemm għal dawk li jikkonkorru b’mod kompetittiv, kif ukoll għal dawk li jridu jipparteċipaw b’mod rikreattiv u jgawdu esperjenza pjaċevoli u sodisfaċenti.
ONE News tkellem mal-Eċċellenza Tagħha li qaltilna li kull parteċipant li jtemm il-ġirja se jingħata midalja.
“Il-midalja li jieħu kull sena, jiġifieri għal kull tiġrija se jkun hemm midalja, din fl-aħħar tingħaqad f’midalja magħmula minn erba’ biċċiet li juru li kien hemm partċipazzjoni konsistenti, li kien hemm impenn konsistenti, li min jieħu sehem juri l-kontinwità wkoll fl-għajnuna, kif hemm bżonn li jsir kważi kuljum, trid tkun hemm il-Community Chest Fund, kontinwa biex fejn hemm il-bżonn tkun ta’ forċina.”
Il-President Myriam Spiteri Debono