Bejn l-20 u t-22 ta’ Mejju li ġej se ssir edizzjoni speċjali tal-Karnival ta’ Malta, bħal dak ta’ qabel il-pandemija.
Dan wara li saret edizzjoni ridotta fi Frar minħabba r-restrizzjonijiet tal-pandemija.
Id-Direttur Artistiku tal-Karnival, Jason Busuttil spjega li l-programm ta’ din l-edizzjoni speċjali tal-Karnival se jkun mimli b’attivitajiet. Dan hekk kif dawn se jinkludu sfilata ta’ karrijiet iżgħar mis-soltu li ħadu sehem fi Frar. Ma’ dawn se jkun hemm ir-Re tal-Karnival u l-maskaruni, il-parata u kompetizzjonijiet taż-żfin ġewwa l-arena fi Pjazza San Ġorġ il-Belt.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta Annabelle Stivala spjegat kif Festival Malta ħasset il-bżonn li d-delettanti tal-Karnival jiċċelebraw din it-tradizzjoni wara sentejn ta’ pandemija.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman ta’ Festivals Malta Norman Hamilton saħaq kif id-delettanti tal-Karnival ħaqqhom jiċċelebraw kif jixraq dak li jaħdmu għalih, is-sena sħiħa.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali u l-Kultura Owen Bonnici qal kif il-Gvern se jkompli jinvesti sabiex jissaħħaħ il-Karnival ta’ Malta. Fost dawn hemm taħriġ għad-delettanti tal-Karnival u anki permezz tal-makkinarju aħjar, li se jibda jintuża fil-karrijiet mill-Karnival tas-sena d-dieħla.
Barra l-Karnival ta’ Malta fil-Belt Valletta, se jkun hemm ċelebrazzjonijiet f’diversi rħula u matul dan it-tmiem il-ġimgħa hemm il-Karnival spontanju f’Ħal Għaxaq.