Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta tinsab mibdula fi ġnien b’żewġ funtani, siġar kbar, mijiet ta’ arbuxelli u eluf ta’ fjuri kkuluriti. Dan hekk kif ġie varat uffiċjalment il-Valletta Green Festival, l-installazzjoni ta’ natura fl-aqwa tagħha fil-qalba tal-kapitali u li hi mistennija minn eluf kull sena.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, qal kif dan il-festival hu eżempju ċar ta’ kif l-arti, in-natura u l-komunità jistgħu jingħaqdu biex joħolqu spazji vibranti u ispirazzjonali fil-qalba tal-Belt.
“Nemmen li dan il-proġett, li beda bħala esperiment, stabbilixxa ruħu bħala esperjenza sabiħa mmens għall-poplu Malti u Għawdxi kollu u t-turisti li jżuruna. Dan il-festival daħal fil-kalendarju kulturali wkoll u jinżel tajjeb ħafna biex ikompli jivvalurizza s-sbuħija tal-Belt Valletta.”
Il-Ministru Owen Bonnici
Iċ-Chairperson tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Jason Micallef, qal kif il-Valletta Green Festival ikompli jenfasizza r-rwol tal-kultura fit-tiswir ta’ futur aktar sostenibbli.
Hu mod prattiku u impenjattiv biex in-nies jinġabru flimkien u jiffokaw fuq dak li verament jgħodd – l-ambjent tagħna u r-riġenerazzjoni ekonomika, soċjali u kulturali tagħna.
“Il-kalendarju kulturali tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta jinkludi fih aspetti differenti, natura mas-soċjal u l-aspett ambjentali hu għal qalbna ħafna. Dan hu wieħed mill-akbar proġetti tal-aġenzija. Hi l-11-il edizzjoni fejn qed nagħtu ġnien assolutament tal-ħolm.”
Jason Micallef, Chairman, VCA
Fi Pjazza Tritoni, il-viżitaturi jistgħu jipparteċipaw f’attivitajiet ta’ għarfien ambjentali.
Tul Triq it-Teatru l-Antik, l-attivitajiet jinkludu wkoll suq, eco-market, attivitajiet ta’ face painting u workshops għat-tfal mingħajr ħlas, arti fuq iċ-ċagħaq u artiġġjanat riċiklat.
Id-divertiment se jkun mifrux f’postijiet oħrajn fil-Belt, b’karattri bħal Timon & Pumba u Donald & Daisy, b’Tikka Banda u grupp tal-perkussjoni Trakadum.
Il-programm ta’ din is-sena jinkludi s-sehem ta’ entitajiet bħall-ERA, Project Green, Ambjent Malta, Circular Economy Malta, Wasteserv, MEEE u Eco Market Malta.
Aktar dettalji jistgħu jinkisbu fuq is-sit tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta vca.gov.mt jew il-paġna tagħha fuq Facebook.