Għall-ħames sena konsekuttiva tnedew l-applikazzjonijiet għall-inizjattiva tal-Culture Pass.
Inizjattiva li permezz tagħha skejjel f’Malta u f’Għawdex ikunu jistgħu jattiraw fi ħdanhom wirjiet u attivitajiet artistiċi għall-benefiċċju tal-istudenti tagħhom.
Din is-sena b’differenza għal snin preċedenti din l-inizjattiva ser tkun miftuħa wkoll għall-iskejjel post-sekondarji.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet intqal ukoll kif għal din is-sena qed jiġu mbutatti wirjiet diġitali.
“Minn din is-sena qed inħajjru produzzjonijiet li jistgħu jmorru mill-ewwel jintwerew onlajn. Sfortunatament ma nafux x’se tkun is-sitwazzjoni jalla li l-pandemija tgħaddi imma qegħdin nippreparaw irwieħna għal kull eventwalità.”
Il-Ministru għall-Kultura Josè Herrera sostna l-importanza ta’ inizjattivi ta’ dan it-tip u spjega wkoll kif għal din is-sena qed jiġu allokati €200,000 bħala fondi mill-Gvern.
“L-idea tiegħu huwa li aħna bħala Ministeru, bħala Kunsill Malti tal-Arti wkoll ninjettaw ammont konsiderevoli ta’ flus din id-darba €200,000 biex inħajru artisti jkunu kreattivi u jniedu proġetti fl-iskejjel tagħna.”
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici appella sabiex l-iskejjel jagħmlu użu minn din l-għodda li tixpruna l-kreattività fl-imħuħ tal-istudenti.
“Aħna rridu tfal li mhux ikunu preparati biss fuq il-linja akkademika jew vokazzjonali jew applikata imma anke fejn jidħol il-kreattività. Aħna rridu tfal li joħolmu li jkunu kreattività li ma jiddejqux iħarsu lejn l-affarijiet minn lenti differenti u dan huwa saħħa tal-input kulturali.”
Il-produzzjonijiet taħt il-kappa tal-Culture Pass ivarjaw u jirrappreżentaw kull forma ta’ arti inkluż żfin, teatru, mużika, arti viżwali, letteratura, film u wirt. Il-Linji Gwida jinsabu online fuq is-sit tal-Kunsill tal-Arti f’Malta u l-applikazzjonijiet għandhom jintbagħtu sal-21 ta’ Awwissu.