F’għeluq il-50 anniversarju mit-twaqqif tiegħu, il-Bank of Valletta nieda l-fondazzjoni tiegħu bil-għan li joħloq iżjed responsabbiltà korporattiva soċjali u biex ikun hemm governanza soda fl-operat tal-bank innifsu.
Għaldaqstant, permezz tal-BOV Foundation, li tħabbret it-Tnejn filgħodu waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-bank se jkun qed iħares ’il quddiem biex jilħaq skopijiet sostenibbli.
Il-Kap Eżekuttiv Kenneth Farrugia sostna l-importanza tal-Bank of Valletta Foundation, li se tkun qed tissarraf f’numru ta’ ħidmiet li l-bank se jkun qed jagħmel u se jkompli fuq dak li diġà jitwettaq sal-lum.
Hu saħaq li din il-fondazzjoni se tiżgura appoġġ qawwi lill-għaqdiet mhux governattivi, inkluż fil-qasam tal-arti u l-kultura, permezz ta’ investimenti massiċċi, għarfien fuq il-litteriżmu finanzjarju, kif ukoll investiment fil-kamp sportiv u f’dak tas-sostenibbiltà.
Martin Galea, li se jkun iċ-Chairperson tal-fondazzjoni l-ġdida, irrimarka li din ġiet ifformata minn tim apposta, li jinsab lest għax-xogħol li jrid isir.
F’kumment ma’ ONE News, iċ-Chairman tal-Bank of Valletta, Gordon Cordina, elabora fuq ir-responsabbiltà li din il-fondazzjoni se tkun qed iġġorr.
“Il-bank ilu involut f’dawn it-tip ta’ affarijiet, issa nħass il-bżonn li dawn l-attivitajiet kollha norbtuhom flimkien fil-fondazzjoni li qegħdin inwaqqfu llum, ħalli b’hekk nagħmlu kontribut aktar importanti, iktar dejjiemi, u l-iktar li jista’ jħalli ġid, permezz ta’ din il-fondazzjoni li ħa tkun iffinanzjata totalment mill-bank u se tkun qiegħda timplimenta programm ta’ azzjonijiet li jilħqu l-għanijiet li l-bank qiegħed isib biex iwassal l-aħjar ġid għall-pajjiż tagħna”.