Ġiet imnedija l-Assoċjazzjoni tal-Esports Maltija bl-għan li ssostni u tgħin fit-tkabbir ta’ dan il-qasam sportiv diġitali f’pajjiżna.
Din l-Assoċjazzjoni se tkun qed tamministra wkoll it-tim nazzjonali tal-Esports filwaqt li hija membru tal-Federazzjoni Ewropea tal-Esports u l-Federezzajoni Internazzjonli tal-Esports.
F’konferenza tal-aħbarijiet intqal kif dan is-settur ekonomiku qed jikber b’rata mgħaġġla madwar id-dinja u f’Malta, il-Gvern fassal numru ta’ miri filwaqt li kkommetta li jkun ta’ spalla għal din l-industrija emerġenti.
F’kumment lill-midja, il-President ta’ din l-Assoċjazzjoni Michele Magro sostna li l-intenzjoni ta’ din l-Assoċjazzjoni hija li tiġbor flmikien lill-imsieħba kollha fil-qasam bl-għan aħħar jkun li jtejjeb l-ambjent li fih jimrah dan is-settur.
Magro qal, “Illum nedejna l-Malta Esports Association li hija għaqda volontarja li tinkludi diversi stakeholders mill-industrija tal-Esports Malta. Illum nedejna wkoll il-manifest li jinkludi tmien proposti lill-Gvern biex immexxu lill-Esports Malta ‘l quddiem. Waħda mill-proposti fil-fatt li nirrikonoxxu l-Esports bħala sports.”
Intant minn naħa tiegħu l-Kap tal-Operat tal-Fondazzjoni Gaming Malta Ivan Filletti tenna l-impenn tal-fondazzjoni li jkompli jkabbar dan l-isport f’pajjiżna.
Filletti spjega, “Huwa area importanti ħafna bħala niċċa ekonomika ta’ Malta u aħna wkoll bħala l-Gaming Malta Foundation se nkomplu nagħmlu minn kollox biex naraw li l-Esports ikompli jinfrex ġewwa Malta u jkompli jkollu l-importanza tiegħu.”
Minn naħa tiegħu l-Ministru għall-Isports u l-Innovazzjoni Clifton Grima tenna li din l-industrija kibret ferm fl-aħħar snin mhux biss globalment iżda anke f’pajjiżna tant li hija niċċa importanti fl-ekonomija ta’ pajjiżna.
Irrimarka l-importanza ta’ waħda mill-għanijiet tal-Assoċjazzjoni li tattira plejers internazzjonali u rinomati f’pajjiżna filwaqt li wkoll tesponi t-talent Malti barra minn xtutna f’kompetizzjonijiet internazzjonali.