Għall-ewwel darba fl-istorja, Malta se jkollha skola li se tispeċjalizza u tgħallem il-mużika orkestrali.
B’hekk, se jkompli jissaħħaħ il-qasam mużikali f’pajjiżna, fejn żgħażagħ Maltin u Għawdxin mistennija jkomplu jiksbu s-suċċessi fuq livell internazzjonali.
Din l-akkademja tnediet l-Erbgħa filgħodu miċ-Chairman tal-Orkestra Filarmonika Maltija, is-Surmast Sigmund Mifsud, fejn f’kummenti ma’ ONE News spjega l-għan ewlieni ta’ din l-akkademja.
Qal, “L-akkademja ser tkun qiegħda hemmek biex tgħin l-istudenti tagħna jispeċjalizzaw biex ikunu mużiċisti orkestrali. Iġifieri l-idea tagħna hija li din l-akkademja ser tkun qiegħda hemm biex tgħin lill-istudenti javanzaw fil-mużika, biex jgħinhom jifhmu iżjed x’inhuma d-dettall u l-affarijiet aktar importanti biex wieħed jieħu ħsieb meta japplika biex jagħmel auditions, kemm mal-orkestra tagħna u kif ukoll ma’ orkestri internazzjonali.”
F’konferenza ntqal kif id-Direttur ta’ din l-akkademja se jkun is-Surmast Ingliż rinomat Peter Stark, li b’mod virtwali qal kif Malta għandha ħafna x’toffri f’dan is-settur. Huwa saħaq ukoll kif Malta għandha l-potenzjal sabiex tikkompeti ma’ pajjiżi oħra.
Sigmund Mifsud żied jgħid kif l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta reġgħet qabdet ir-rittmu, anke wara l-waqfa li kellha minħabba l-pandemija.
Spjega, “Issa erġajna bdejna nagħmlu kunċerti live, ovvjament bil-miżuri li ġew rilaxxati aħna ninsabu kuntenti ħafna għax itina kuraġġ biex nibdew inżjed ninvestu biex nagħmlu kunċerti għal iktar udjenza.
Preżenti għal din it-tnedija kien hemm il-Ministru għall-Kultura José Herrera u l-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana, li t-tnejn tennew dwar l-importanza li f’pajjiżna nkomplu nagħtu opportunità lit-tfal tagħna biex jimirħu f’dan il-qasam.