Tnediet l-Aġenzija Maltija għall-ikel li se tieħu ħsieb il-proċess ħolistiku tal-prodott lokali mill-produzzjoni sa kemm dan jasal għand il-konsumatur.
Fost l-ewwel inkarigi li diġà qed taħdem fuqhom hija r-riforma tal-pitkalija li kienet imħabbra sena ilu, apparti xogħol fil-pixkerija u fil-biċċerija pubblika fost oħrajn.
L-Aġent Kap Eżekuttiv, Emanuel Schembri nnota kif permezz ta’ din l-aġenzija dak kollu li għandu x’jaqsam mal-ikel se jkun taħt saqaf wieħed.
Huwa qal, “L-ewwel ma rridu nagħmlu huma standards tal-prodotti, li ntellgħulhom ċerta livelli u kwalità. Mhux qed ngħid li m’hemmx kwalità imma nemmen li għad hemm ħafna xi jsir f’dak li huwa l-preżentazzjoni tal-prodott.”
Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru, Sharlo Camilleri saħaq li r-riforma fil-pitkalija ilha għadejja għal madwar sena u mistennija tkun implimentata kollha fix-xhur li ġejjin.
Huwa stqarr: “Sal-aħħar ta’ din is-sena mistennija tkun kollha f’postha. S’issa daħħalna s-sistema ta’ traċċabilità, l-ittikjar wara ser inkunu qegħdin indaħħlu ukoll is-sistema ta’ standardizzazzjoni. Jiġifieri li l-prodott ikun standardizzat f’kull kaxxa u b’hekk dejjem noqorbu għal prezz aħjar għal prodotti.”
Il-Ministru Anton Refalo qal li din hija parti minn viżjoni li se tiżgura s-sigurtà u l-kwalità tal-ikel, dan inħass b’mod speċjali fi żmien il-pandemija fejn kien hemm theddida fuq il-provista tal-ikel. Spjega wkoll li l-aġenzija se jkollha sehem fir-riċerka u l-innovazzjoni dan bil-għan li tara l-ħtiġijiet tas-suq u tadatta l-mudell ekonomiku tal-prodott lokali skonthom.
Huwa sostna: “Naħseb li kien hemm bżonn ħafna illi ssir l-Aġenzija Maltija tal-Ikel, għaliex inti hemmhekk għandek aġenzija li tħares ‘il quddiem, hi innovattiva, hija mezz ukoll biex issib swieq barra minn Malta. Naħseb illi l-ewwel kompitu tagħha dik illi naraw li ssir ir-riforma fil-pitkalija għax dawn it-tnejn jimxu ma’ xulxin hija importanti. Kif diġà għedt minħabba l-governanza, it-trasparenza u finalment illi l-bidwi Malti u Għawdxi jieħu l-prezz li jkun verament dovut lilu.”