Tnediet l-aġenzija għall-Circular Economy Malta magħrufa wkoll bħala CEMalta li ser isservi bħala regolatur bil-mira li tħeġġeġ soluzzjonijiet innovattivi li kulma jmur iwassluna għal ekonomija ċirkulari.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ CEMalta, l-inġinier Anthony Rizzo spjega li l-prinċipju bażiku ta’ ekonomija ċirkulari huwa l-użu fit-tul ta’ riżorsi fejn il-forma jew il-ġeneru tar-riżorsa jistgħu jinbidlu.
Fil-fatt, bħalissa l-aġenzija qiegħda taħdem biex din is-sena tqassam madwar tlett mija u ħamsin reverse vending machine madwar il-gżejjer Maltin bil-għan li aktar konsumaturi jiffamiljarizzaw ruħhom mal-Beverage Container Refund Scheme.
Din is-sena ser tara d-dawl ukoll kampanja edukattiva nazzjonali mmirati lejn il-produtturi kollha, importaturi u distributuri ta’ kontenituri tax-xorb fost oħrajn, li huma rreġistrati ma’ BCRS Malta Ltd.
Qal, “Aħna naqbdu waste streams partikolari fejn naraw li hemm ammont sostanzjali biex inkunu nistgħu naraw jekk hemmx xi inizzjattivi li nistgħu nieħdu biex kemm jista’ jkun inbiddlu l-mentalità jew ċioe nġibu lill-intrpriża biex jinvesti biex kemm jista’ jkun ikollna ekonomija ċirkulari.”
Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia kkonferma l-impenn tal-Gvern f’dan is-settur u spjega l-ħidma li ser tkun qed taħdem fuqha l-aġenzija biex pajjiżna jagħmel trażizzjoni lejn zero-waste.
Hu tkellem dwar pjan t’azzjoni għall-aġenzija li ser jimxi id f’id mad-diversi miżuri li diġà tħabbru fosthom il-projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta’ plastik li jintuża darba biss.
Fost oħrajn hu semma’ li flimkien mal-ERA ser titfassal skema biex jitnaqqas l-ammont ta’ eluf ta’ tunnellati ta’ tyres li jintremew ta’ kull sena. Ħabbar ukoll li fil-ġimgħat li ġejjin l-aġenzija ser tiffirma ftehim biex jiġi indirizzat l-iskart tal-kostruzzjoni fost oħrajn.
Spjega, “Dawn kollha se juru illi l-pajjiż mhux biss se jimxi lejn era iktar sostenibbli, mela minn mudell ekonomiku lineari għal mudell ekonomiku ċirkulari imma qed naraw ukoll opportunitajiet ta’ niċeċ ġodda ekonomiċi għal pajjiżna illi jista’ jieħu.”
Il-Ministru Farrugia temm jgħid li l-Gvern għandu jkun il-promotur ewlieni ta’ dawn il-mudelli.